Lokali

Il-President ta’ Malta tisħaq li Jum il-Mara għandu jservi ta’ riflessjoni dwar iċ-ċifri inkwetanti li ħarġu fl-aħħar ġimgħat

F’okkażjoni ta’ Jum il-Mara il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saħqet li din il-ġurnata sservi ta’ tifkira tal-kontribut sħiġ li tagħti l-mara għall-familja u s-soċjetà, kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u fil-komunitajiet fejn jgħixu.

Hija insistiet li l-irwol tal-mara m’għandux biss jiġi rikonoxxut f’dan il-jum biss iżda għandu jiġi rifless favur l-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel.

Dan filwaqt li l-President sostniet li fejn għandha x’taqsam il-parteċipazzjoni tan-nisa f’Malta, f’numru ta’ oqsma għad hemms fidi kbar li wieħed għandu jindirizza.

Hija spjegat li Jum il-Mara għandu bżonn iservi ta’ riflessjoni fuq dak li qed jru ċ-ċifri tal-European Institute for Gender Equality, fejn, filwaqt li l-medja Ewropea għar-rappreżentanza tan-nisa fil-politika hija ta’ kważi 50%, f’Malta, ir-rata tar-rappreżentanza femminili fil-politika, hija ta’ kważi 29%.

Kif ukoll żiedet li l-informazzjoni ppubblikata mill-Eurostat fl-2016, qed turina li hemm distakk qawwi fil-pagi, għall-istess kwalità ta’ xogħol, bejn in-nisa u l-irġiel. Distakk li żdied minn 4.5% fl-2014, għall-10.6% fl-2016.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca ġibdet l-attenzjoni wkoll li l-indiċi ppubblikati mill-European Institute for Gender Equality, qed juruna wkoll li Malta tinsab fl-aħħar postijiet, f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija ekonomika, jiġifieri fit-tmexxija tan-negozju u l-kummerċ.