Lokali Parlament

Jeħtieġ setturi ġodda u innovattivi fl-ekonomija

– Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella biex il-pajjiż isib setturi ekonomiċi ġodda bl-iskop li l-ekonomija ma tibqax tiddependi biss minn settur wieħed.

Meta kien qed jitkellem fl-istadju tat-Tieni Qari fl-Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju, id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li din id-direttiva tolqot ċ-ċirkostanzi u s-sitwazzjonijiet fejn banek ikollhom problemi materjali meta jkunu waslu f’sitwazzjoni ta’ falliment u ma jkunux f’pożizzjoni li bla għajnuna esterna jerġgħu jsiru vijabbli.

Din id-direttiva twassal biex dawn is-sitwazzjonijiet ikunu indirizzati u jevitaw ċertu tip ta’ problemi. Meta jfalli bank jinħolqu problemi għall-organizzazzjoni finanzjarji u problemi ta’ banek oħra minħabba li jkun hemm tendenza ta’ paniku li jwassal għal problemi soċjali u ekonomikċi.

Id-direttiva tipprepara u tippreveni għal din is-sitwazzjoni. Mill-2009 ‘l hawn id-dinja iffaċċjat problemi kbar finanzjarji li spiċċaw biex kellhom ikunu l-popli li refgħu l-piżijiet tal-problemi li nħolqu mill-banek. Għandu jkun hemm kwatela dwar il-prattiċi tal-banek, sostna Clauido Grech, li appella għall-prudenza bi flus in-nies. Fuq livell politiku għandha tkun evitata t-tentazzjoni tal-populiżmu.

F’Awssu 2016 l-Oppiżzzjoni appellat biex il-Kumitat għall-Affraijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jiltaqa’ u jiddiskuti s-sitwazzjoni iżda minkejja din t-talba, l-proċess għadu qas biss beda.

Fil-pajjiż hawn likwidità b’saħħitha iżda s-self ta’ dawk li huma non-financial corporations baqa’ jonqos. Dan qed iseħħ minħabba l-prattiċi restrittivi li qed jirrestrinġu s-self li kien qed isir. It-tkabbir ekonomiku għandu jkun xprunat mll-investiment, li hu diffiċli li jsir jekk ma jkunx hemm aċċesss għall-finanzjament. Dan għandu jissaħħaħ bla ma tkun preġudikata l-prudenza.

L-investiment ġdid hu importanti għax il-parti l-kbira tal-investiment barrani ġejja mis-servizzi finanzjarji u għalhekk hu importanti li l-pajjiż jibda jħares lejn setturi ġodda li jnaqqsu d-dipendenza tal-ekonomija fuq settur wieħed. Dan hu importanti jekk il-pajjiż irid jimxi lejn l-ekonomija innovattiva.