Lokali

Jirrakkonta kif serqulu flusu mill-ATMs

Antoine Pace miż-Żurrieq li fil-ġimgħat li għaddew safa vittma ta’ serq mill-kont bankarju tiegħu minn frodisti li użaw l-ATM biex ġibdu ammont ta’ flus, f’telefonata fil-programm Net Live fuq Net TV irrakkonta kif serqulu flusu.

Hu spjega li s-Sibt filgħaxija irċieva SMS mill-bank tiegħu fejn kien infurmat li kien ġibed ammont ta’ flus minn ATM f’Buġibba. Hu qal li dak il-ħin ġew ħafna ħsibijiet f’moħħu għax filwaqt li hu kien id-dar, inġibdulu l-flus minn bank ieħor li mhux tiegħu u ried ikun jaf ir-raġuni u għalhekk għamel kuntatt mal-bank tiegħu.

Antoine Pace qal li hu kien irrabjat għal dak li ġara għax ħaseb li seta’ kien hemm xi software failure li xi ħadd ġibed xi flus li ttieħdu minn tiegħu bi żball. Hu qal li qatt ma basar li kien hemm każ ta’ hacking.

Hu spjega li bank ċempillu u qallu li hemm terzi persuni involuti f’dan il-każ u rriżulta li kien każ ta’ hacking. Għalhekk il-bank tiegħu informa mill-ewwel lill-Pulizija u hu sar jaf li l-Pulizija diġà kellhom xi rapport li xi Rumeni kienu qed jagħmlu dawn il-frodi. Hu qal li l-card tiegħu ingħalqet biex huma ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġbdu l-flus.

Antoine Pace faħħar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li kienu perfetti u rnexxielhom iwaqqfu lil dawn in-nies.

Sadattant fil-jiem li għaddew Alexandru Hrinca ta’ 30 sena u Silviu Mirica ta’ 34 sena, it-tnejn ċittadini Rumeni b’indirizz f’Malta mhux magħruf, tressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn li serqu b’iktar minn €10,000 għad-danni tal-banek HSBC, Bank of Valletta u APS.

Huma  kienu akkużati li fl-4 ta’ Marzu 2017 u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel, ħadu pussess ta’ data software jew idokumentazzjoni oħra mingħajr awtorizzazzjoni. Barraminhekk huma kienu akkużati wkoll li  kisbu aċċess mhux awtorizzat billi użaw kodiċi ta’ aċċess, password, jew mezz ieħor ta’ dħul jew informazzjoni personali oħra ta’ utenti.

Fil-proċeduri kontra Silviu Mirica, l-Ispettur Vella esibixxa diversi dokumenti fosthom 9 cards foloz u €270 flus kontanti li nstabu fuq il-persuna tal-akkużat. Minkejja l-parir li ngħata mill-avukat tiegħu Joseph Ellis, Mirica wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Alexandru Hrinca, l-Ispettur Vella ippreżenta 50 card falza li nstabu fuq il-persuna tiegħu meta kien arrestat. Iż-żewġ Rumeni kienu arrestati mill-Pulizija wara li nqabdu jiffrodaw 1,000 ‘card’ tal-bank b’rapporti li minnhom serqu madwar €10,000.

L-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi u tar-Rapid Intervention Unit wasslu biex il-Pulizija identifikaw lir-Rumeni, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ aktar Rumeni. Fl-mira, huma kellhom numru ta’ ATMs, fosthom f’Buġibba, fil-Qawra, fil-Mosta fir-Rabat, fiż-Żejtun, f’Bulebel, f’Marsaxlokk, fil-Belt, f’Ħaż-Żabbar u fil-Fgura.

Ir-rapporti jgħidu li xi ħadd mir-Rumeni involuti kkopja madwar 1,000 ‘card’ falza b’informazzjoni fihom. Barra minhekk, ‘cameras’ żgħar li twaħħlu mal-ATMs aktarx għamluha faċli biex ikunu kkupjati l-PIN Numbers tal-vittmi.

Jirriżulta li wieħed mir-Rumeni kien arrestat waqt li kien qed jiġbed il-flus minn ATM f’Buġibba, bit-tieni Rumen kien arrestat ftit sigħat wara fil-Gżira. Huma kienu identifikati mill-‘cameras’ tas-sigurtà li l-ATMs għandhom imwaħħlin magħhom.

Ir-rapporti jgħidu li r-Rumeni l-oħrajn aktarx ħarbu mill-pajjiż, fejn mhux ikun eskluż li l-Pulizija toħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew għalihom.

 

Tags