Lokali

L-eks ġurnalist tas-Super One Mark Attard għall-website tat-TVM

Mark Attard, l-eks ġurnalist tas-Super One li issa huwa impjegat mal-website tat-TVM
Aktar ħatriet fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS

Is-sit tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, issa hu mmexxi minn żewġ eks ġurnalisti tal-Partit Laburista, u dan hekk kif fil-jiem li għaddew, fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS iddaħħal l-eks ġurnalist tal-isport tal-media Laburista.

Fl-aħħar snin, Mark Attard kien impjegat mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, iżda fil-jiem li għaddew, b’deċiżjoni tal-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja, Mark Attard iddaħħal fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS u beda jaħdem u jtella’ stejjer ta’ ġrajjiet kurrenti, nkluż dawk politiċi, fuq is-sit tat-TVM.

Mark Attard hu viċin ħafna tal-Ministru Manuel Mallia, tant li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, ħadem ħafna biex Manuel Mallia jiġi elett. In-Nazzjon hu nfurmat li permezz tal-Ministru Mallia, saret pressjoni kbira fuq it-tmexxija tal-PBS biex Mark Attard jiddaħħal jaħdem fil-kamra tal-aħbarijiet.

L-ewwel ħsieb kien li Mark Attard jiddaħħal fil-kamra tal-aħbarijiet tal-isports, iżda issa beda jaħdem ma’ eks ġurnalist ieħor tal-Parti Laburista Owen Galea, li jikkontrolla s-sit tal-aħbarijiet tal-PBS.

Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, l-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali saret tara impjegati ġodda b’mod regolari, kollha b’xi mod jew ieħor relatati mal-Partit Laburista. Fil-fatt, eżatt wara l-elezzjoni ġenerali, l-ewwel kien Reno Bugeja li laħaq Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, u ftit wara, ddaħħlu jaħdmu fil-kamra tal-aħbarijiet l-eks ġurnalisti tas-Super One Brandon Pisani u Rodney Vassallo.

Aktar tard, imbagħad, iddaħħlu l-eks ġurnalisti tal-Partit Laburista Glen Falzon, Ritianne Agius u Melvic Zammit. Dan minbarra għadd ta’ crew u ħaddiema oħrajn li huma viċin ferm ta’ Kastilja.

Tags