Fi stqarrija fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Forum Opportunitajiet Indaqs ifakkar fil-ħidma tal-mara fis-soċjeta: il-mara fid-dinja tax-xogħol, il-mara tad-dar, il-mara studenta, il-mara l-omm trabbi lil uliedha, il-mara il-bint tieħu ħsieb il-ġenituri anzjani, il-mara li taħdem fil-volontarjat, il-mara li hija s-sosten tal-familja, il-mara nanna li tħobb u tieħu ħsieb lin-neputijiet, il-mara anjzjana li qegħda d-dar jew f’xi residenza.
Il-Forum fl-istqarrija jsellem lin-nisa kollha, li b’diversi modi qegħdin jikkontribixxu għall-ġid u l-avvanz tas-soċjeta’. Il-Forum Opportunitajiet Indaqs jirrikonoxxi li hemm bżonn li tkompli titqajjem kuxjenza u għarfien dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa, u jagħraf li għalkemm saru avvanzi kbar, għad baqa x’isir biex verament ikun hawn ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa f’kull qasam tal-ħajja.
Il-Forum jinnota li sfortunatament il-Forum Ekonomiku Dinji li jkejjel il-‘Global Gender Gap’ li huwa kejl tal-ugwaljanza tal-mara, wera li f’Malta fl-aħħar erba’ snin, waqgħet mill-84 post għall-108. Il-Forum huwa nkwetat li fejn jidħlu l-pagi, l-‘Economic Survey’ dan l-aħħar wera li l-paga tan-nisa f’Malta waqgħet lura 30 post.
F’dan il-jum il-Forum Opportunitajiet Indaqs jixtieq iġedded l-impenn tiegħu biex jaħdem kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u li jaħdem biex il-kawża tal-mara Maltija tkompli timxi ‘l quddiem.
F’dan il-jum il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jixtieq jawgura lin-nisa kollha u jirringrazzjhom tal-ħidma tagħhom fid-dar u fid-dinja tax-xogħol, u jfakkar li permezz ta’ din il-ħidma s-soċjeta Maltija setgħet tifflorixxi u timxi ‘l quddiem.
//= $special ?>