Lanqas l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, ma taqbel mal-prezz li bih il-Gvern ta l-art tal-ITS għal €15-il miljun.
Żvelat dan il-gazzetta Times of Malta f’artiklu li fih ikkwotat lill-President tal-MDA Sandro Chetcuti jgħid li ma jaqbilx mal-mod kif l-art ġiet valutata.
L-art tal-ITS inbigħat lill-iżviluppaturi għal €15-il miljuni minkejja li l-kumpanija tal-awditjar Deloitte ivvalutat l-art għal ferm aktar minn hekk, għal €60 miljun.
Imma jirriżulta li skont il-masterplan li kien tħejja minn Mott MacDonald, l-art konċernata ġiet valutata għal €212 miljun. Filfatt, The Times irrappurtat li l-President tal-MDA Sandro Chetcuti kellu wkoll laqgħat mal-kumpanija Deloitte li fihom esprima nuqqas ta’ qbil dwar il-metodoloġija użata fil-valutazzjoni tal-art.
Meta kien tħabbar il-bejgħ tal-art, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-art se tinbigħ għal €60 miljun, iżda minn dettalji li feġġew aktar tard irriżulta li fil-verità, l-iżviluppaturi se jkunu qed joħorġu minn buthom €15-il miljun. L-€40 miljun l-oħra se jkunu qed jitħallsu minn investituri futuri jekk dawn jagħżlu li jixtru xi unit mill-iżilupp u jifdu ċ-ċens.
//= $special ?>