Lokali

Meħtieġa azzjoni qawwija biex treġġa’ lura l-waqgħa sostanzjali fl-ugwaljanza fl-aħħar 4 snin – PN

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista f’Jum il-Mara stieden għal azzjoni qawwija biex pajjiżna jreġġa’ lura l-waqgħa kbira lura li n-nisa Maltin sofrew fl-ugwaljanza fl-aħħar erba’ snin skont il-kejl rispettat tal-Forum Ekonomiku Dinji.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija permezz ta’ Clyde Puli, il-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin, id-Djalogu Soċjali u x-Xandir sejjaħ lill-Gvern għal ħidma kbira biex ireġġa’ lura l-waqgħat kbar li n-nisa Maltin sofrew fl-ugwaljanza fil-ħafna oqsma mkejlin mill-World Economic Forum li jippubblika kull sena l-Gender Gap Index.

F’kummenti lil Net News, Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-mara tilħaq il-milja tagħha fis-soċjeta’. B’hekk tkun  iggwadanjat id-drittijiet kollha tagħha u s-soċjeta’ tkun iggwadanjat il-potenzjal tal-mara.

Il-Global Gender Gap Index Malta sofriet waqgħa kbira lura fl-aħħar 4 snin, mill-84 post għall-108; lura 24 post. Dan hu l-agħar post li n-nisa Maltin qatt kienu fih f’dan il-kejl, l-aħħar fl-Ewropa u fl-aħħar kwart fost il-pajjiżi mkejlin.

Dan l-indiċi jkejjel il-pagi tan-nisa, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa. F’dawn kollha, in-nisa Maltin sofrew waqgħat kbar:

Hu magħruf ukoll li n-nisa qed ibatu ferm aktar mill-irġiel miż-żieda li seħħet fl-aħħar erba’ snin ukoll fil-faqar, u dan filwaqt li l-klima ekonomika internazzjonali ippermettiet tkabbir ekonomiku f’pajjiżna. Dan kollu jeħtieġ l-azzjoni qawwija tal-Gvern biex għallinqas ireġġa’ lura d-diżugwaljanza li ħoloq f’dawn l-aħħar 4 snin.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-aħħar erba’ snin imbarka fuq programm qawwi ta’ rappreżentanza ndaqs għan-nisa fi ħdanu. L-istrutturi politiċi kollha tal-Partit huma magħmulin minn nisa daqs kemm hemm irġiel u l-Partit qiegħed jaħdem ukoll biex ikollu kontinġent qawwi ta’ nisa kandidati fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Dan ikompli mal-ħidma kbira li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti favur in-nisa fosthom bl-emenda kostituzzjonali tal-1991 li daħħlet il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Kostituzzjoni, kif ukoll it-twaqqif ta’ diversi istituzzjonijiet tal-Istat Malti għall-ugwaljanza u l-avanz tan-nisa.