Futbol Sport

Mourinho kritiku fuq il-kundizzjoni tal-pitch iżda l-UEFA tikkonferma li l-logħba se ssir xorta

Mourinho kien kritiku lejn il-kundizzjoni tal-pitch

Il-UEFA kkonfermat li l-logħba mill-fażi tal-aħħar 16 bejn Rostov u Manchester United se ssir kif inhu ppjanat minkejja li l-manager ta’ Manchester United Josè Mourinho kkritika l-kundizzjoni tal-pitch.

Mourinho qal li l-wiċċ tal-Olimp-2 Stadium hu ħażin minn kull aspett. Il-Portugiż qabbel il-pitch ma’ dak ta’ Bird’s Nest f’Beijing fis-sajf li għadda, li wassal biex il-partita ta’ ħbiberija ta’ lussu fil-pre-season kontra Manchester City kellha titħassar.

Il-UEFA qalet li saret spezzjoni tal-pitch mill-uffiċjali tal-logħba lbieraħ, u qalet li minkejja li l-kundizzjoni mhix fl-aqwa forma, hu tajjeb biżżejjed biex tintlagħab il-logħba u għalhekk il-logħba se ssir kif inhu skedat.

L-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol fl-Ewropa qalet li s-sessjoni ta’ taħriġ li Manchester United kellhom jagħmlu lbieraħ tħassret biex jiġi ppreservat il-pitch, b’Mourinho jinsisti li ma jistax jemmen li l-logħba kienet se ssir. “Naf li rridu nilagħbu, imma hu diffiċli għalija li se nilagħbu fuq dik l-art, jekk tista’ tissejjaħ art,” temm jgħid Mourinho.