Lokali

“Nirringrazzja lil Alla li għadna ħajjin” – Iż-żagħżugħ li nqabad f’inċident tat-traffiku

Il-post ta' Facebook taż-żagħżugħ li kien involut fl-inċident.
Qal li minkejja hu għandu ftit tbenġil u ma sofra ebda ġrieħi gravi, iż-żewġ passiġġiera l-oħra għadhom rikoverati l-isptar Mater Dei.

“Nirringrazzjaw lil Alla li għadna ħajjin” – hekk qalilna s-sewwieqa ta’ 22 sena li kien involut fl-inċident ikraħ ta’ jumejn ilu f’San Ġiljan.

Iż-żagħżugħ, li kien qed isuq il-karozza li nqabdet fin-nofs, irrakonta kif għall-ħabta tat-8.30PM hu kien qed isuq lejn Paceville u meta wasal fejn it-traffic lights waqaf jistenna. Madanakollu mad-daqqa u l-ħin jisma ħoss kbir hekk kif karozza oħra minn wara baqgħet dieħla fih bil-konsegwenza li spiċċa daħal fl-arblu tat-traffic lights u l-karozza baqgħet iddur fuqha nnifisha.

Ma’ Netnews.com.mt hu qal li fil-karozza kien hemm żewġ passiġġieri oħra, waħda quddiem u oħra wara li t-tnejn għandhom 23 sena. Hu irrakonta li għalkemm rnexxielu joħroġ mit-tieqa tal-karozza tiegħu, it-tnejn l-oħra kienu għadhom maqbudin u kellha tintalab l-assistenza tal-membri tal-protezzjoni ċivili sabiex jaqalaw is-saqaf tal-karozza u jinħarġu minn hemm. Madanakollu hu qal li ma jiftakar xejn iktar minn wara li rnexxielu joħroġ mit-tieqa hekk kif ħassu ħażin f’daqqa.

Iż-żagħżugħ sostna li “għadni nħossha qisha ħolma kerha”. Qal li minkejja hu għandu ftit tbenġil u ma sofra ebda ġrieħi gravi, iż-żewġ passiġġiera l-oħra għadhom rikoverati l-isptar Mater Dei. Minkejja dan, hu qal li jinsabu grati li għadhom ħajjin kollha kemm huma u li jixtieq li l-ġustizzja tkun mwettqa.

Dan l-inċident seħħ nhar it-Tnejn li għadda fi Triq Sant’Andrija f’San Ġiljan u fih kien hemm involut ukoll Portugiż ta’ 60 sena u mara ta’ 43 sena minn Pembroke.