Petizzjoni iffirmata minn aktar minn 27,000 persuna biex tkun emendata l-liġi dwar il-piena dwar qtil involontarju kienet ippreżentata lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Antoine Borg u mid-Deputat tal-Gvern Luciano Busuttil.
Il-petizzjoni saret wara li l-għalliema Dorianne Camilleri weħlet ħames snin ħabs wara li nstabet ħatja ta’ qtil involotarju u ta’ feriment gravi f’inċident tat-traffiku fit-triq tar-Rabat f’Ħ’Attard fis-sena 2011.
Luciano Busuttil qal li b’kollox inġabru 27,019-il firma f’perijiodu ta’ ħmistax il-ġurnata u dawk li ffirmaw il-petizzjoni qed jitlobu li l-liġi titressaq fil-Parlament biex tkun emendata. Hu qal li ħadd m’hux jagħti tort lill-Qorti għas-sentenza li ingħatat għax il-Qorti interpretat il-liġi.
Antoine Borg qal li l-petizzjoni kienet qed tiġi ippreżentata minn rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti u dan jirrifletti s-sentiment nazzjonali u r-reazzjoni li kien hemm għas-sentenza u għal anomalija li hemm fil-liġi. Hu qal li bħala Membru Parlamentari kien tkellem dwar dan il-każ u għal anomalija legali li rriżultat li wasslet għal kontroversja kollha. Hu qal li hu dover tar-rappreżentanti tal-poplu li jwasslu l-vuċi tan-nies fil-Parlament u wieħed jittama li bi qbil bejn iż-żewġ naħat il-liġi tinbidel.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din kienet waħda mill-ftit petizzjonijiet li tresset b’mod konġunt bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u din hi wkoll l-ewwel petizzjoni li qed titressaq fil-konfront ta’ sentenza tal-Qorti u dan mhux bi kritika tas-sentenza imma l-petizzjoni qed titlob tibdil fil-liġi.
Hu qal li din se tkun l-ewwel petizzjoni li se titressaq fil-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet li twaqqaf f’Novembru li għadda u li hu mmexxi mill-Ministru Chris Cardona u minn żewġ rappreżentanti tal-Gvern u tnejn tal-Oppożizzjoni. Hu qal li nhar it-Tnejn il-petizzjoni se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u wara tmur quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet.
Dan il-Kumitat jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-tibdil fil-liġijiet. Hu qal li issa s-27,019 firma jridu jkunu verifikati u identifikati u imbagħad tiskatta l-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet u dan għandu kemm jista’ jkun għandu jikkunsidra l-petizzjoni kemm jista’ jkun malajr.
//= $special ?>