Għawdex

AĠĠORNATA: Sospiżi l-vjaġġi tal-Gozo Channel; uħud tilfu titjiriet mill-ajruport

Ir-riħ mill-Majjistral sa dalgħodu laħħaq il-qawwa ta' riefnu
Is-servizz bil-vapuri issokta dalgħodu fis-7am

Eluf ta’ ħaddiema u studenti Għawdxin kif ukoll turisti spiċċaw maqbudin f’Għawdex minħabba li ma setgħux jaqsmu lejn Malta għax il-vjaġġi bejn Għawdex u Malta kienu sospiżi minħabba l-maltemp.

Fil-fatt il-vjaġġi kienu sospiżi mill-bieraħ filgħaxija meta għal ħabta tat-8pm twaqqfu l-vjaġġi minħabba maltemp qawwi. Numru ta’ ħaddiema u studenti li kienu f’Malta ma setgħux imorru lura lejn darhom u kellhom jaraw kif jagħmlu biex jgħaddu l-lejn f’Malta.

Sadattant dalgħodu, il-vjaġġi bejn iż-żewġ ġżejjer baqgħu sospiżi sas-7am u għalhekk dalgħodu eluf ta’ ħaddiema u studenti Għawdxin kienu maqbuda Għawdex għax ma setgħux jiġu lejn Malta għal ġurnata ta’ xogħol jew studju. Hu ikkalkulat li n-numru ta’ ħaddiema u studenti Għawdxin li jaħdmu jew li jistudjaw f’Malta jlaħħaq madwar 3,500.

Net News hu infurmat ukoll li numru ta’ Għawdxin u turisti li nqabdu f’Għawdex kellhom isiefru illum u kellhom iħassru t-titjiriet tagħhom.

Issa s-servizz irritorna lura għan-normal, bil-vapuri jużaw ir-rotta t-twila minn wara Kemmuna.

Il-kundizzjonijiet tat-temp bħalissa fiċ-Ċirkewwa