Internazzjonali

Tfitxija kbira għall-qattiel ta’ tifel ta’ 9 snin

Il-Pulizija, ilbieraħ, kienet għaddejja bi tfittxija intensiva għal raġel li allegatament qatel tifel ta’ 9 snin b’daqqiet ta’ sikkina u, wara, iċċirkola filmat fuq is-sezzjoni tal-Internet magħrufa bħala d-dark web u fejn jinstama’ jiftaħar dwar ir-reat faħxi.

Id-dark web hu parti moħbija tal-Internet fejn isir skambju ta’ ritratti u materjal konnessi mal-armi, id-droga u l-abbuż tat-tfal. Intant, jidher li wieħed mill-abbonati ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija għall-filmat – bil-katavru tat-tifel jinstab, wara, fil-kantina ta’ dar f’Herne, fl-Istat Ġermaniż ta’ Rhine-Westphalia.

Ingħad li l-vittma kien joqgħod viċin il-qattiel suspettat li għandu 19-il sena u li sal-bieraħ deher li kien qed jiżgiċċa lill-ġustizzja. Is-suspettat, ‘li x’aktarx kien armat’, hu magħruf ukoll bħala dilettant tal-arti marzjali, bit-tfittxija għalih tkompli fl-ibliet qrib ta’ Herne, li tinsab fil-limiti tar-reġjun tar-Ruhr industrijalizzat.