Raġel ta’ 42 sena residenti Bormla u li għandu l-vizzju tad-droga ammetta li ħebb għal ibnu ta’ 11-il sena u għal omm it-tifel bil-konsegwenza li kkaġunalhom ġrieħi ħfief.
Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ammetta li ħebb għal omm ibnu fis-6 ta’ Marzu li għadda ġewwa d-dar fl-Isla fejn tgħix mat-tliet uliedu. Huwa ammetta li ħebb għal ibnu l-għada waqt li dan kien għaddej fl-istess lokalita’.
Ir-raġel wieġeb ħati wkoll li beżża’ lil omm uliedu u li heddidha kif ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u storbju.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ipposponiet is-sentenza għal data oħra biex tara kif se jkun qed iġib ruħu r-raġel fil-jiem li ġejjin.
Sadanittant huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-għassa tal-Pulizija Bormla li jkun ġewwa daru bejn id-9.30 p.m. u l-5.00 a.m. u li ma jersaqx lejn l-Isla. Dan taħt garanzija personali ta’ €5,000.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Josric Mifsud waqt li r-raġel kien assistit mill-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha.
L-Avukati Ludwig Caruana u Janice Borg dehru parte civile f’isem l-omm u binha.
//= $special ?>