Formula 1 Sport

Alonso jgħid li l-magna Honda hi l-unika problema ta’ McLaren

Fernando Alonso fiduċjuż li jista' jirbaħ mal-McLaren (Ritratt: EPA)

=Fernando Alonso ordna li jkollu risposta immedjata mingħand McLaren wara t-testijiet negattivi li kellhom fix-xitwa, u insista li l-magna Honda li għandhom qed iċaħħad lit-tim milli jkunu potenzjalment rebbieħa din is-sena.

Hekk kif fadal jumejn biss ta’ testijiet, McLaren jinsabu l-aħħar fid-dawriet kompluti u l-aqwa ħinijiet fiċ-ċirkwit ta’ Katalunya.

Id-darbtejn Champion tad-Dinja li telaq lil Ferrari biex ingħaqad ma’ McLaren sentejn ilu, qal lil media Spanjola li t-tim kollu hu lest biex jirbaħ minbarra Honda. Alonso qal li probabli l-frustrazzjoni din is-sena hi aktar minħabba l-bdil fir-regolamenti li bihom kellhom tamiet akbar li jagħlqu d-distakk.

“Sa issa mhux qed inlaħħqu mal-aspettattiva, iżda fuq in-naħa l-oħra għadu x-xitwa u l-istaġun hu twil biżżejjed biex nwettqu reazzjoni. Iżda bħalissa, ma tistax tgħid li kuntenti kif sejrin l-affarijiet.”

L-Ispanjol insista li għadu jemmen li jista’ jirbaħ mal-McLaren u m’għandu l-ebda intenzjoni li jirtira mill-Formula 1. Hu qal li jinsab kunfidenti li din is-sena se jkunu kompetittivi u jrid jirbaħ it-tiġrijiet. “It-tim jinsab lest għat-tiġrija tal-Awstralja u biex nikkompetu f’livell tajjeb. L-unika mistoqsija hi kemm għandna saħħa.”

Alonso kompla jgħid li għandu aktar motivazzjoni biex jirbaħ u qal li mhux se jieqaf isuq qabel ma jkollu riżultat tajjeb u jikseb dak li jimmeritah.