Futbol Sport

Għażla bejn żewġ pajjiżi biex jorganizzaw l-EURO 2024

il-fażi finali tal-EURO 2024 se ssir f'pajjiż wieħed

Il-UEFA kkonfermat li l-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-2024 se jsiru fil-Ġermanja jew it-Turkija. Iż-żewġ pajjiżi kienu l-uniċi li esprimew interess qabel id-data finali tat-3 ta’ Marzu. Id-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Finlandja kienu kkunsidraw li jorganizzawha flimkien.

Iż-żewġ federazzjonijiet iridu jipproduċu dossier sa April 2018, bil-UEFA tagħżel ir-rebbieħ f’Settembru tas-sena d-dieħla. “Hu ċar li se jkun hemm żewġ tentattivi b’saħħithom biex l-akbar kompetizzjoni Ewropea tan-nazzjonijiet tkun organizzata, u se tkun deċiżjoni iebsa li trid tittieħed,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-UEFA Theodore Theodoridis.

It-tournament se jerġa’ jirritorna jkun organizzat minn organizzatur wieħed, wara li l-Euro 2020 se ssir fi 13-il belt madwar fl-Ewropa. Il-Ġermanja tal-Punent kienet organizzat it-Tazza tad-Dinja tal-1974 u l-Kampjonat Ewropew tal-1988, bit-Tazza tad-Dinja tal-2006 tkun organizzata wara li l-Ġermanja reġgħet ingħaqdet.

“Bl-esperjenza vasta tagħna, l-infrastruttura fl-istadiums preżenti u l-kundizzjonijiet bażiċi fil-Ġermanja, nistgħu norganizzaw tournament ekonomiku u tal-ogħla klassi,” qal il-President tal-Federazzjoni Ġermaniża Reinhard Grindel.

It-Turkija qatt ma ospitaw tournament maġġuri, u fallew f’żewġ tentattivi; fl-2008 flimkien mal-Greċja, u fl-2012 waħedhom. Yildirim Demiroren qed jittama li t-tielet darba tkun Fortunata għalihom.

“Fl-aħħar snin, inbnew jew qed issir manutenzjoni madwar 32 stadium ġdid. B’dan il-livell ta’ investiment, it-Turkija qed tikkonferma li hi minn ta’ quddiem fid-dinja fl-impenn lejn l-infrastruttura tal-futbol,” qal il-President tal-Federazzjoni Torka.