Iċ-Chairman ta’ Arsenal Sir Chips Keswick qal li d-deċiżjoni dwar il-futur ta’ Arsene Wenger se ssir bi qbil bejniethom. Il-kuntratt tal-manager Franċiż jiskadi fi tmiem l-istaġun u skont rapporti, ġie offrut kuntratt ġdid ta’ sentejn biex jibqa’ fl-Emirates Stadium.
Wenger insista li se jistenna sa tmiem l-istaġun biex jieħu deċiżjoni, iżda fi stqarrija mhux solita Keswick qal: “Aħna ninsabu konxji mill-attenzjoni li hemm bħalissa fuq il-klabb u nifhmu d-diskussjoni li hawn bħalissa. Aħna nirrispettaw il-partitarji li għandhom dritt għal opinjoni differenti, iżda aħna dejjem immexxu lill-klabb fl-aħjar interess fit-tul. Il-kuntratt ta’ Arsene jintemm fi tmiem l-istaġun. Kull deċiżjoni li tittieħed issir bi qbil u komunikata fl-aħjar żmien bl-aħjar mod.”
Wenger qal ilbieraħ li għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni fuq il-futur tiegħu, iżda qal li jikkunsidra l-opinjoni tal-partitarji fid-deċiżjoni finali. Wenger kien fil-mira ta’ protesti mill-partitarji barra l-Emirates Stadium, qabel it-telfa umiljanti ta’ 5-1 kontra Bayern Munich fiċ-Champions League, li biha ġew eliminati b’aggregate ta’ 10-2.
Il-manager Franċiż qal li jaħseb li wera kemm ilu hemm li jħobb il-klabb, li hu leali lejn il-klabb, li jieħu l-aħjar deċiżjonijiet għal klabb, u sostna li se jkompli jagħmel dan, jiġifieri li jirrispetta l-valuri li huma importanti għalih.
//= $special ?>