Lokali

Il-kbir jiffanga u ż-żgħir jitħalla għal rieħu

Beppe Fenech Adami jgħid li hu oxxen il-mod kif, bil-moħbi ta’ kulħadd, il-Gvern qabad u żied il-pagi tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Brigadier tal-Armata fost l-oħrajn.

“L-aħbarijiet li l-Gvern se jaqbad u jżid il-pagi tal-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta b’€10,000 fis-sena huma konferma ta’ kemm il-Gvern ta’ Muscat qed jibqa’ jiffanga, filwaqt li jħalli lil min hu żgħir għal rieħu” – stqarr dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami.

Fl-istqarrija, Beppe Fenech Adami jgħid li hu oxxen il-mod kif, bil-moħbi ta’ kulħadd, il-Gvern qabad u żied il-pagi tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-Brigadier tal-Armata, u ta’ xi uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati. Din id-deċiżjoni hi konferma ta’ kemm Muscat jinsab fil-politika biss biex jiffanga hu u l-ftit ta’ madwaru.

Fil-fatt, lill-kumplament tal-membri tal-Korp tal-Pulizija u l-membri tal-Forzi Armati, Muscat ħallihom kif kienu, bla investiment u b’kundizzjonijiet li żgur jixirqilhom ferm aktar.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li fil-fatt, min hu żgħir għadu jitħalla jistenna xhur sħaħ biex jitħallas ta’ xogħol extra li għamel. Filwaqt li l-pagi tal-kbarat żdiedu malajr, l-istess awtoritajiet taw struzzjonijiet biex jitnaqqas l-overtime. Min hu żgħir qed jitħalla jmur il-Qorti biex jieħu dak li hu tiegħu bi dritt.

Beppe Fenech Adami temm jgħid li dan kollu jikkonferma kemm il-poplu Malti u Għawdxi tilef kull fiduċja f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet importanti għal pajjiżna. Għaliex min qiegħed fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet, flok moħħu biex jassigura sigurtà għall-poplu Malti u Għawdxi, moħħu biex jiffanga.