Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet ir-rikors mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sabiex jitneħħew il-mandati maħruġa fuq l-assi bankarji tagħha mill-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada. Għaldaqstant, l-erba’ mandati kawtelatorji li flimkien jammontaw għal €46,587.48, jibqgħu fis-seħħ.
Il-mandati inħarġu flimkien ma’ erba’ kawżi ta’ libell li Chris Cardona u Joe Gerada li fetħu fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia b’rabta mal-istorja fejn kien allegat li dawn iffrekwentaw il-burdell FKK Acapulco f’Velbert fil-Ġermanja, waqt xogħol tal-Gvern.
Din kienet l-ewwel darba li nħareġ mandat ta’ dan it-tip fuq każ ta’ libell.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, fakkret li talbiet bħal dawn ikunu eżaminati biss fuq livell ta’ prima facie u l-Qorti ma tidħolx fil-mertu tal-każ innifsu.
Il-Maġistrat kompla li l-mandati mitluba minn Chris Cardona u Joe Gerada huma skont il-parametri tal-liġi kif inhi bħalissa.
Dwar l-argument imressaq mill-avukati ta’ Caruana Galizia dwar l-effett ta’ dawn il-mandati fuq il-liberta’ tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-Maġistrat Depasquale tenna li l-Qorti tal-Maġistrati ma tistax tittratta u tiddeċiedi fuq argumenti ta’ natura Kostituzzjonali u huma biss il-Qrati kompetenti li jistgħu jagħmlu dan.
Il-kawża tal-libell innifisha se tibda tinstema’ fl-24 ta’ April.
L-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Daphne Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Pawlu Lia qed jidher għall-Ministru Chris Cardona u għal Joe Gerada.
//= $special ?>