Lokali

Il-PL jikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti: Il-Kummissjoni bla risposta

 

Il-Kummissarju Elettorali Ewlieni Joseph Church baqa’ ma weġibx għall-mistoqsijiet mibgħut minn netnews.com.mt b’rabta mal-ksur tal-liġi minn naħa tal-Partit Laburista.

Dan is-sit prova jsaqsi lil Joseph Church x’passi ħadet il-Kummissjoni Elettorali dwar il-fatt li l-Partit Laburista naqas milli jirreġistra bħala partit politiku mal-istess Kummissjoni, u b’hekk naqas milli jippreżenta d-donazzjonijiet li rċieva matul l-2016.

Xtaqna nsaqsu wkoll jekk jikkonfermax jekk il-Partit Laburista rreġistrax ‘proviżorjament’ mal-Kummissjoni Elettorali. U jekk hu minnu, min mill-Kummissjoni aċċetta din ir-reġistrazzjoni proviżorja, u liema Artiklu tal-liġi jiprovdi għal dan.

Imma minkejja li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet Fabian Demicoli tah sas-sitta tal-bieraħ filgħaxija ċans biex iwieġeb, il-Kummissarju Elettorali Ewlieni Joseph Church baqa’ ma weġibx.

Aktar qabel dan is-sit prova jieħu r-reazzjoni tal-Kummissarju Elettorali Ewlieni f’telefonata imma anke f’dan il-każ bqajna bla risposta.