Lokali Qorti

Impjegat iħalli tieqa ta’ ħanut miftuħa biex bil-lejl jidħol minnha biex jisraq

Taljan ta’ 48 sena li residenti l-Marsa kien ikkundannat 21 xahar ħabs wara li ammetta li seraq mill-ħanut tal-ħaxix u l-frott fil-Belt Valletta fejn kien impjegat

Antonio Adolfo ammetta li fit-8 ta’ Marzu, bejn l-10.00 p.m. u 12.00 a.m., seraq flus u ċekkijiet mill-ħanut “Fresh Direct” għad-dannu għal Charmaine Kitcher.

Mistoqsi jekk iwiġibx ħati jew le għal din l-akkuża, permezz tal-interpretu huwa wieġeb li ma jiftakarx x’ġara imma ftit wara li ikkonsulta mal-Avukat Mark Mifsud Cutajar għażel li jammetti.

L-Ispettur Daryl Borg, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli kif l-akkużat ħalla tieqa tal-ħanut miftuħa u mbagħad mar lura fejn daħal minnha u kkommetta s-serqa.

Minbarra din is-serqa, Adolfo kien mixli wkoll li kiser sentenza sospiża li ngħatatlu mill-Maġistrat Francesco Depasquale fis-6 ta’ Settembru 2016.

Dakinhar hu kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €1,000 wara li ammetta li fl-4 ta’ Settembru tal-istess sena importa f’pajjiżna u kellu fil-pussess tiegħu id-droga kannabis.

Il-fatt li ammetta li kiser din is-sentenza sospiża wassal biex mal-21 xahar ħabs fuq is-serqa mill-ħanut issa żdiedu wkoll l-imsemmija sitt xhur biex b’hekk kien ikkundannat sentejn u tliet xhur ħabs.

 

Tags