Lokali Mużika

Ira Losco bil-video mużikali tal-kanzunetta ‘We Are The Soldiers’

Illum Ira Losco nediet il-video mużikali l-ġdid tagħha tal-kanzunetta ‘We Are The Soldiers’, it-3 single mill-album li mistenni jiġi mniedi fil-ġimgħat li ġejjin.

Wara 8 xhur ta’ pawża, ‘We Are The Soldiers’ hija l-ewwel kanzunetta li ħarġet wara l-aħħar parteċipazzjoni li kellha fil-Eurovision Song Contest fl-Iżvezja.

F’dan il-video mużikali wieħed isib is-suldati Maltin tad-dinja ta’ kuljum fosthom il-mara kuraġġuża li għexet u għelbet it-tbatija tal-kanċer Charlene Mercieca, it-tfajla li affaċjat il-marda tal-menenġite Amy Camilleri Zahra, l-atletiku para-olimpiku Julian Bajada, u l-atleta nieqes mid-dawl Karl Abela.

Il-kantanta Maltija saħqet li l-aħjar mod li ħasbet sabiex twassal il-messaġġ li riedet twassal lill-pubbliku kienet billi turi 4 stejjer paralleli u twassal messaġġ pożittiv billi wieħed jaċċetta l-isfidi li tpoġġi quddiemu l-ħajja.

Ira sostniet li fil-kanzunetta qiegħda biss tirrakkonta l-ġrajja ta’ stejjer li seħħew verament u kienet ix-xewqa tagħha li tiċċelebra lil dawn il-protagonisti.

Dan żgur mhux se jkun l-aħħar video mużikali għal Ira Losco għal din is-sena, hekk kif kull kanzunetta li se jkun hemm fl-album il-ġdid li mistenni jiġi mniedi fix-xhur li ġejjin, se jkollha video mużikali.