Lokali

Id-deputat Laburista Joe Sammut ma jmurx jivvota dwar il-pompa ta’ Gaffarena

Gaffarena jista' jappella mid-deċiżjoni tal-PA

L-Awtorita’ għall-Ippjanar irrifjutat l-applikazzjoni biex ikunu approvati l-illegalitajiet li kien hemm fil-bini tal-pompa tal-petrol ta’ Gaffarena f’Ħal Qormi.

Skont il-bord il-pompa tal-petrol ma tistax tkun approvata jekk ma jitneħħewx l-illegalitajiet fosthom l-ogħli tal-pompa tal-petrol peress li kien inbena sular ieħor li skont il-pjanti kellu jintuża bħala uffiċini u anke minħabba l-ammont ta’ spazju għal car washes li min sitta kellhom jitnaqqsu għal erbgħa.

Tlett snin ilu l-Awtorita’ għall-Ippjanar kienet tat permess temporanju lil Gaffarena sabiex il-pompa tal-petrol tkun tista’ taħdem bil-kundizzjoni li jitneħħew l-illegalitajiet kollha li fiha u li jekk ma jsirx dan ikollha titwaqqa’.

Minn naħa tiegħu c-Chairman tal-Awtorita’ għall-Ippjanar Vince Cassar qal li din hi applikazzjoni oħra quddiem li bord fuq l-istess pompa tal-petrol, bil-għan li l-affarijiet illegali jiġu legalizzati. Innota wkoll li l-pjanti marbuta ma din l-applikazzjoni ġew sottomessi ġurnata qabel il-bord kellu jieħu vot.

Il-bord ivvota kontra l-applikazzjoni ta’ Gaffarena minbarra l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’, Johann Butigieg li astjena filwaqt li l-Membru Parlamentari Laburista Joe Sammut, li hu r-rappreżentant tal-gvern fuq il-bord ma attendiex.

Minkejja d-deċiżjoni tal-bord tal-Awtorita’ Gaffarena jista’ jappella mid-deċiżjoni.