Lokali Qorti

Mhux ħati li bagħbas ir-rapport tal-Pulizija dwar l-isparatura tal-2014

Iżda is-Surġent Leeroy Balzan ma nstabx ħati li bagħbas ir-rapport tal-okkorrenza fl-inċident fejn l-eks xufier tal-Ministru Manwel Mallia, Paul Sheehan, kien ġera wara karozza li kienet laqtet il-mera tal-vettura tal-Ministru u kien saħansitra spara tiri fid-direzzjoni tal-vettura. Dan wara li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġjonevoli kif mitlub mil-liġi.

Surġent tal-Pulizija kien liberat mill-Qorti bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena wara li nstab ħati li kien ta l-password tiegħu għas-sistema ta’ rappurtaġġ tal-okkorrenzi imħaddma mill-Korp tal-Pulizija magħrufa bħala l-PIRS.

Iżda is-Surġent Leeroy Balzan ma nstabx ħati li bagħbas ir-rapport tal-okkorrenza fl-inċident fejn l-eks xufier tal-Ministru Manwel Mallia, Paul Sheehan, kien ġera wara karozza li kienet laqtet il-mera tal-vettura tal-Ministru u kien saħansitra spara tiri fid-direzzjoni tal-vettura. Dan wara li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġjonevoli kif mitlub mil-liġi.

L-inċident kien seħħ fl-Imsida fid-19 ta’ Novembru tal-2014

Is-Surġent Balzan kien mixli li fit-22 ta’ Novembru tal-2014 bejn 1p.m. u 2p.m. fl-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, kien ħassar l-ewwel erba’ paragrafi tar-rapport tal-PIRS taħt is-sezzjoni “azzjoni meħud” tar-rapport. Kien surġent ieħor, David Sant, li meta mar biex jistampa rapport għall-proċeduri kontra Stephen Smith u Paul Sheehan li nduna li kien hemm partijiet nieqsa mir-rapport, fosthom partijiet li kien niżżel hu stess.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, semgħet kif kien stabbilit li l-bidla fil-PIRS saret minn persuna li użat il-username assenjat lill-akkużat. Madanakollu, la mix-xhieda mressqa u lanqas minn eżami li sar tal-filmati tal-cameras tas-sigurta’, ma seta’ jiġi stabbilit b’ċertezza li kien fil-fatt Leeroy Balzan li biddel ir-rapport.

Min-naħa l-oħra, Balzan ammetta li ta l-password tiegħu biex jidħol għall-PIRS lil Kuntistabbli stazzjonati fl-għassa ta’ Tas-Sliema f’każ li ma jkunx hemm Surġenti preżenti. Il-Qorti semgħet minn diversi xhieda li din hi prassi mifruxa u li m’għandhiex titkompla. Madanakollu, jekk ma jsirx hekk, ix-xogħol fl-għases tal-pulizija jieqaf jekk ma jkunx hemm surġent preżeneti.

Fl-għoti tas-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat ukoll li r-reat li għalih qed jinstab ħati l-akkużat sar bl-intenzjoni li x-xogħol tal-għassa jibqa’ għaddej u l-pubbliku jinqeda’ b’mod effettiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jesmond Micallef u Sandro Camilleri. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Leeroy Balzan.