Nutar kien ordnat iħallas €29,117 lil każin tal-banda wara li naqas milli jirreġistra tiġdid ta’ konvenju fuq bejgħ ta’ propjetà lill-istess każin.
Il-każ imur lura għad-29 ta’ Lulju 2004 fejn ġie ffirmat il-konvenju bejn is-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 u Antoinette Tabone li fih din tal-aħħar, obbligat ruħha li tbiegħ il-post fejn hemm “Martin’s Pharmacy”. Il-prezz miftiehem kien ta’ Lm65,000 fejn is-soċjeta’ filarmonika ħallset depożitu ta’ Lm4,000 u l-bilanċ kellu jitħallas mal-iffirmar tal-kuntratt ħlief għal Lm15,000 li kellhom jitħallsu fuq perjodu itwal.
Hija qalet li awtorizzat lin-Nutar Charles Vella Zarb biex jirreġistra il-konvenju imma għalkemm ġie mġedded darbtejn, il-konvenju baqa’ ma ġiex reġistrat.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Silvio Meli, semgħet kif minħabba f’hekk, il-konvenju skada u Antoinette Tabone irrifjutat li tiffirma l-kuntratt bil-konsegwenza li s-soċjeta’ kienet kostretta tidħol f’konvenju ieħor li ġie ffirmat fit-30 ta’ Jannar 2006 u l-prezz finali tela’ għal Lm77,500.
Kien għalhekk li s-soċjeta’ filarmonika talbet lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex tordna lin-nutar jirrifondieha t-Lm12,500 li kellha tħallas aktar lil Tabone ekwivalenti għal €29,117.
Min-naħa tiegħu, in-Nutar Vella Zarb ċaħad li huwa kien awtorizzat jirreġistra t-tiġdid tal-konvenju u insista li lanqas kien obbligat jagħmel dan. Hu kompla li l-istess soċjeta filarmonika tawwlet iż-żmien għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt li ġie ippublikat minn nutar ieħor.
L-Imħallef Meli ikkonkluda li mill-provi miġjuba quddiem il-Qorti, jirriżulta li fil-fatt l-imsemmi nutar kien awtorizzat biex jagħmel it-tiġdid imma naqas milli jagħmel dan.
Kien għalhekk li waqt li tat raġun lis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġia A.D. 1990, il-Qorti ordnat lin-Nutar Vella Zarb biex iħallasha l-ammont mitlub minnha.
//= $special ?>