Internazzjonali

AĠĠORNAT: Tusk konfermat bħala President tal-Kunsill Ewropew

Donald Tusk

Donald Tusk kien konfermat bħala President tal-Kunsill Ewropew. Dan minkejja li l-Polonja kienet oġġezzjonat li hu jinżamm f’din il-kariga.
Is-summit tal-Unjoni Ewropea tar-Rebbiegħa kien jinsab mhedded li jispiċċa żvijat minħabba l-pożizzjoni li adotta l-Gvern Pollakk fil-konfront ta’ Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew u eks-Prim Ministru Pollakk.
Dan peress li l-Gvern Pollakk u Tusk ma jarawx għajn b’għajn. Infatti, Witold Waszczykowski, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, qal li l-Polonja kienet se tagħmel minn kollox biex tevita l-vot.
Iżda Tusk igawdi appoġġ mill-bqija tal-membri tal-Unjoni Ewropea.
Dan is-summit se jkun ukoll l-aħħar għal Theresa May, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, qabel ma tagħti bidu formalment għall-proċess ta’ sentejn li għandu jwassal għall-Brexit. Dan mistenni jitħabbar aktar tard dan ix-xahar.
Għalkemm il-Brexit fih innifsu mhux fuq l-aġenda, il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE se jiltaqgħu llum, iżda mingħajr May, biex jiddiskutu l-għaqda tal-UE.