– Marthese Portelli, PN
Is-settur kummerċjali, fosthom l-iżviluppaturi u l-lukandiera, huma kontra l-mod kif il-gvern ta l-art imprezzabbli f’Pembroke biex fuqha jsir il-proġett kontroversjali.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Marthese Portelli tkellmet fil-parlament dwar il-bejgħ tal-art tal-ITS f’Pembroke u qalet li dan hu ftehim kontra l-interess tal-poplu Malti u kontra kull min jaħdem bl-għaraq ta’ xbinu. Hi qalet li hemm diversi fatturi li juru kemm dan kien ftehim li sar b’mod skorrett propju minħabba l-proċess tal-offerta, il-valur tal-art stipulat fil-kuntratt, il-mof kif inqabeż il-parlament u l-fatt li l-proġett kif propost hu kontra l-pjan lokali taż-żona.
Dwar il-proċess tal-offerta, Marthese Portelli qalet li dan sar bla traspaenza u bla level playing tant li l-offerta nħarġet fi żmien il-Milied meta ħafna kumpaniji jkunu bis-shutdowns.
Dan wassal biex ma kinx hemm ħafna offerenti. Aktar minn hekk, l-offerenti kellhom iħallsu €10,000 biex jaraw id-dokuemnt. Dawn l-€10000 kellhom jitħallsu bil-quddiem biex b’hekk il-gvern beda jillimita l-ammont ta’ nies li setgħu jaraw u l-offerta. Din l-offerta nħarġet min Projects Malta meta normalment offerti simili jinħarġu mid-Dipartiment tal-Artijiet. Il-fatti huma li Projects Malta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi.
Hi kompliet li kien wara li l-offerent diġà tefa’ l-offerta, li l-gvern ra kemm tiswa l-art. Ta’ din l-art imprezzabbli, l-gvern se jkun qed jieħu biss E16-il miljun u mhux €60 miljun kif qed jingħad mill-gvern. Fuq kollox, il-€15-il miljun se jkunu bla imgħax. Il-konsultenti tal-proġett stess qalu fid-dokument dwar Paceville li l-art tal-ITS tiswa mal-€200 miljun.
Marthese Portelli qalet li l-gvern ma mexiex ma’ kulħadd l-istess tant li s-sena l-oħra bigħ biċċa art mhux faċċata tal-baħar f’Paceville b’kobor ta’ 650 metru kwardu għall-prezz ta’ €3.2 miljun. Iżda l-kumpanija li ħadet l-art tal-ITS se tħallas 60 darba inqas, tant li mal-kuntratt tħallsu biss €5 miljuni.
Gvern Nazzjonalista mexa b’mod differenti meta kellu sitwazzjonijiet simili tant li fil-proġett ta’ Fort Cambridge, li kien mixfrux fuq 9,000 metru kwardu, l-offerent 11-il sena ilu, ħallas €54 miljun.
Marthese Portelli qalet li l-gvern qal li qabbad lil Deloitte and Touche biex jagħmlu l-valutazzjoni tal-art u ta l-impressjoni li din kienet aċċettata mill-iżviluppaturi Maltin. Il-fatti huma li l-MDA ma tatx il-pariri lil Deloitte and Touche anzi l-iżviluppaturi oġġezzjonaw għall-mod kif sar il-proċess. Propju għalhekk l-gvern għażel li jaqbeż il-palament; għax ma riedx li jinkixfu l-affarijiet. Kemm il-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll l-MHRA tkellmu u esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-mod kif saru l-affarijiet.
Marthese Portelli sostniet li l-ftehim kien jinten mill-ewwel anki għax ma jaqbilx mal-Pjan Lokali minħabba t-torrijiet proposti. Il-gvern jidher li jrid jaġevola lil min irid hu u għalhekk il-PN jemmen li l-kuntratt irid ikun investigat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, sostniet Marthese Portelli.
Marthese Portelli tkellmet ukoll dwar Jum il-Mara u sellemt lin-nisa diskriminati fis-soċjetà Maltija. Hi qalet li Malta qed taqa’ lura fl-avvanz tal-mara u fl-ugwaljanza kif ikkonferma r-rapport Gender Gap Report tal-World Ecomic Forum. Fl-aħħar erba’ snin in-nisa Maltin sofrew diżugwaljanza kbira f’setturi ewlenin. Jirriżulta li b’mod ġenerali fl-ugwaljanza tan-nisa Malta waqgħet lura 24 post mill-84 post għall-108 post.
Jirriżulta wkoll li fil-pagi tan-nisa Malta waqgħet 30 post lura, fl-ugwaljanza bejn in insa u l-irġel Malta waqgħet lura 30 post, fis-saħħa waqt lura 42 post, fit-tul tal-ħajja tan-nisa waqgħet lura 37 post, fl-edukazzjoni waqgħet lura 53 post u fil-parteċipazzjoni tan-nisa waqgħet lura 29 post.
//= $special ?>