Lokali

Ta’ kuljum numru ta’ edukaturi qed jaffaċċjaw diversi inġustizzji – Marco Bonnici, Viċi President MUT

“98 sena wara li twaqqfet l-Unjin tal-Għalliema, għandna sitwazzjoni prekarja fejn il-professjoni tal-edukaturi m’għadhiex tattira żgħażagħ” Hekk sostna l-Viċi President tal-MUT Marco Bonnici fejn spjega li dan qiegħed iseħħ filwaqt li n-numru ta’ edukaturi qed iħallu l-professjoni jew qegħdin jixbgħu u jaqtgħu qalbhom.

Bi tħejjija għal 100 sena mit-twaqqif tal-Unjin l-MUT se tkun qed tniedi il-manifest Viżjoni għall-MUT 2019 – Għaqda, Saħħa u Determinazzjoni, fejn fost oħrajn se jolqtu l-għaqda, s-saħħa u d-determinazzjoni.

Marco Bonnici,  li ħabbar in-nomina tiegħu għall-President tal-MUT, saħaq li mistennija jirrevedu l-istrutturi tal-Unjin għal aktar għaqda sabiex filwaqt li l-uffiċjali jkunu jistgħu jikkonċentraw aktar fuq ix-xogħol trejdjunjonistiku, dan il-pass ser isir bil-għan li jsarraf f’opportunitajiet ta’ taħriġ għall-edukaturi, pubblikazzjonijiet aktar kontemporanji kemm ta’ riċerka fil-qasam edukattiv u ta’ qari għat-tfal, u proġetti edukattivi

Il-Viċi President tal-MUT insista li l-għalliem tneħħewlu diversi aspetti mill-awtonomija professjonali hekk kif f’ħafna każijiet min jieħu d-deċiżjonijiet importanti fil-konfront tal-istudenti m’humiex l-edukaturi li qiegħdin fl-iskejjel u għaldaqstant huwa saħaq li għandu jkun hemm reviżjoni tar-rwoli u tas-servizzi fl-iskejjel sabiex l-għalliema jerġgħu jingħataw l-awtonomija professjonali meħtieġa b’kumpens adegwat.

Huwa saħaq li hemm bżonn li l-ftehim settorjali għall-għalliema fl-iskejjel tla-istat u dak tal-iskejjel tal-knisja, il- ftehim kollettiv tal-MCAST, il-ftehim kollettiv tal-ITS u numru ta’ ftehim kollettivi oħra ta’ skejjel indipendenti pendenti għandhom jiġu konklużi fl-aktar qasir żmien.

Marco Bonnici temm jgħid li l-Unjin se tikkometi ruħa sabiex f’mhux inqas minn 6 xhur ta’ negozjati tikkonkludi kull ftehim kollettiv ġdid li jinfetaħ filwaqt li ssaħħaħ l-ġlieda kontra l-inġustizzji li bħalissa numru ta’ edukaturi qegħdin jiffaċċjaw ta’ kuljum fil-post tax-xogħol tagħhom.