Internazzjonali

Twiddiba lit-Turkija minħabba tgħajir dwar il-passat Nazista

Sigmar Gabriel

Sigmar Gabriel, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, widdeb it-Turkija li wieħed joqgħod ixebbaħ lill-Ġermanja tal-lum mal-Ġermanja Nazista kienet linja li wieħed ma kellux jaqsam.

Gabriel qal dan hekk kif iltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork, Mevlut Cavusoglu, fi sforz li jrażżnu t-tensjoni li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Gabriel iżda enfasizza x-xewqa tal-Ġermanja li mat-Turkija jerġa’ jkun hemm relazzjonijiet ta’ ħbiberija.
Il-President Tork, Tayyip Erdogan, akkuża lill-Ġermanja b’“aġir Nazista” minħabba d-deċiżjoni li fil-Ġermanja ma jsirux rallies politiċi minn Ministri Torok. Dan hekk kif fis-16 ta’ April se jsir referendum dwar jekk il-President għandux jingħata poteri kostituzzjonali ġodda.
Kien ukoll l-istess Cavusoglu li tenna x-xebħ man-Nazisti waqt żjara f’Hamburg. Dan bħala parti mill-ħidma biex jintrebaħ il-vot ta’ madwar 1.4 miljun Tork li jgħixu fil-Ġermanja. Kien hemm rallies f’Gaggenau, Cologne u Frechen li kienu organizzati għat-Torok bil-parteċipazzjoni ta’ politiċi Torok, imma l-awtoritajiet Ġermaniżi irtiraw il-permessi.
B’reazzjoni għal dan, Erdogan qal li dan kien aġir Nazista minkejja li l-awtoritajiet Ġermaniżi insistew li dan sar minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Dawn il-kummenti rrabjaw ukoll lill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, li qalet li dawn il-kummenti kienu inaċċettabbli u Gabriel tenna dan fil-laqgħa li kellu ma’ Cavusoglu f’Berlin.
Hemm ukoll rabja fil-Ġermanja għall-arrest fit-Turkija ta’ ġurnalist Ġermaniż ta’ nisel Tork, Deniz Yucel, minħabba rapporti li kiteb kontra Erdogan.