Lokali

Żewġ ħallelin jidħlu fuq ir-residenti f’dar fis-Swieqi

Karozza tal-Pulizija - mill-arkivji

Il-Pulizija qed tfittex żewġ barranin li matul il-lejl li għadda sfurzaw bieb ta’ residenza fi Triq l-Għajn, fis-Swieqi.

Fortunatament ħadd ma weġġa’f’dan il-każ, minkejja li fuq ġewwa kien hemm membri tal-familja li jgħixu fl-istess dar. Dawn semgħu xi ħsejjes u ħasdu lill-ħallelin li telqu mir-residenza mingħajr ma serqu xejn.

Il-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija f’nofsillejl, b’uffiċjali jintbagħtu fiż-żona mmedjatament u bdew rondi fl-inħawi, iżda l-ħallelin laħqu ħarbu mill-Post.

Fl-istess triq jirriżulta li hemm kameras tas-sigurtà u l-Pulizija ħadu l-filmati biex janalizzw il-movimenti fit-triq. Mhux eskluż ukoll li l-ħallelin jidhru fil-filmati u jistgħu jiġu rikonoxxuti minħabba li ma kinux mgħammda.