Ewropa Lokali

Żewġ MEPs Nazzjonalisti fost l-aqwa 40 MEP fl-Ewropa

Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia jiġu mniżżla fost l-aqwa 40 MEP.

Fost l-aqwa 40 MEP fil-Parlament Ewropew li taw l-akbar kontribut matul is-sena tal-2017, skont Politico – ġew imniżżla l-MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Therese Commodini Cachia. Din il-lista prestiġjuża li ingħatat minn waħda mill-aqwa aġenziji tal-aħbarijiet fid-dinja, tat deskrizzjoni b’aġġettivi mill-isbaħ li jixierqu għall-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti nisa fil-Parlament Ewropew.

Bħala l-uniċi MEPs Maltin imsemmija f’din il-lista – Politico ddeskrivaw lil Roberta Metsola bħala persuna ħabbrieka hekk kif minn barra x-xogħol tagħha fi Brussell, hi tagħqdi dmirijieta bħala Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea ta’ Malta. Minn naħa l-oħra, Therese Commodini Cachia ġiet deskritta bħala l-MEP li kienet pedament importanti li tat s-sehem tagħha dwar il-policy tal-copyright.

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil feraħ liż-żewġ MEPs f’isem il-Partit NAzzjonalista għal dan is-suċċess.

Fl-ewwel post ta’ din il-lista li inħarġet minn Politico, ġie klassifikat l-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Webber, li ħa post l-eks President tal-Parlament Martin Schulz. Manfred Weber ingħata dan l-unur hekk kif hu ta s-sehem kollu tiegħu biex iżomm magħquda l-familja tal-partiti politiċi li huma favur l-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dan hu rikonoxximent li jikkonferma l-ħidma kbira li twettaq id-delegazzjoni Maltija mmexxija minn David Casa fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt, David Casa, ftit tax-xhur ilu, kien ġie ddikjarat bħala l-aktar MEP Malti influwenti fil-Parlament Ewropew.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Roberta Metsola u lil Therese Comodini Cachia għal dan  ir-rikonoxximent, u jtenni li d-delegazzjoni kollha tal-Partit Nazzjonalista se tkompli taħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li l-lista tal-Politico dwar l-aktar 40 MEP influwenti tinkludi maġġoranza ta’ MEPs nisa.