Lokali

FILMAT: Il-Kummissjoni Elettorali tgiddeb lill-Partit Laburista

Ma teżisti l-ebda liġi dwar 'reġistrazzjoni proviżorja'. Ara x'kien qal il-Partit Laburista fil-filmat.

Il-Kummissjoni Elettorali giddbet lill-Partit Laburista meta fi stqarrija kkonfermat li ma teżisti l-ebda liġi dwar ‘reġistrazzjoni proviżorja’. Dan wara li fl-aħħar jiem, esponenti Laburisti taw x’jifhmu li l-Partit Laburista huwa rreġistrat mal-Kummissjoni Elettorali b’mod proviżorju.

“Kapitlu 544 tal-Liġijiet ta’ Malta (il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti) ma fihx provvediment għal reġistrazzjoni ta’ partit b’mod proviżorju,” qalet il-Kummissjoni Elettorali bl-aktar mod ċar fl-istqarrija tagħha.

Imma dan jikkontradixxi dak li qal il-Partit Laburista fl-aħħar jiem, partikolarment permezz tal-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi, li nhar it-Tnejn li għadda qalu li l-Partit Laburista huwa rreġistrat b’mod proviżorju.

NET News kien staqsa b’mod speċifiku biex il-kelliema tal-Partit Laburista jispjegaw xi tfisser il-frażi “reġistrazzjoni proviżorja” u min kien aċċetta din it-tip ta’ reġistrazzjoni. Dakinhar, il-Ministru Edward Zammit Lewis kien tefagħha fuq il-Kummissjoni Elettorali. “Jekk aċċetatha b’mod proviżorju l-Kummissjoni Elettorali, (dik) hija l-entità pertinenti li twieġeb din id-domanda, u mhux Gino Cauchi” kien qal Zammit Lewis lil NET News.

NET News kien reġa’ staqsa biex jikkonferma jekk ir-reġistrazzjoni proviżorja saritx mill-Kummissjoni Elettorali. Din id-darba, kien il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi li kkonferma: “(ir-reġistrazzjoni proviżorja) ingħatat mill-Kummissjoni Elettorali wara diskussjoni fi ħdan il-Kummissjoni li fiha qagħdu fuq l-assistenza tal-esperti legali tagħhom”.

Il-fatt li l-istatut tal-Partit Laburista għadu qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, tant li l-Partit Laburista huwa l-uniku partit politiku mhux reġistrat, wassal biex il-Partit Laburista għadu ma daħħalx il-lista ta’ donazzjonijiet li rċieva skont kif titlob il-liġi.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ tliet partiti politiċi oħra rreġistrati, daħħlu l-listi tad-donazzjonijiet skont kif titlob il-liġi. Apparti l-Partit Nazzjonalista, it-tliet partiti reġistrati l-oħra huma l-Alternattiva Demokratika, Moviment Patrijotti Maltin u Partit Demokratiku.

Ara l-istqarrija tal-Kummissjoni Elettorali, maħruġa ftit tal-ħin ilu, li tgiddeb dak li qal il-Partit Laburista