Lokali

FILMAT: “L-indħil politiku fil-Pulizija qed jagħmel ħsara kbira” – Sandro Camilleri

L-indħil politiku fil-Korp tal-Pulizija qed jagħmel ħsara kbira ħafna. Hekk iddikkjara l-Ispettur Sandro Camilleri waqt edizzjoni mis-sensiela ‘InDepth’. Sandro Camilleri huwa l-President tal-‘Police Officers Union’ fi ħdan il-General Workers’ Union.

“Tagħmel ħsara kbira” qal Sandro Camilleri meta kien mistoqsi dwar l-element politiku fil-Korp tal-Pulizija. Waqt il-programm, preżentat minn Pierre Portelli, Sandro Camilleri tkellem ukoll il-mod kif l-indħil politiku jtellef anke fl-investigazzjonijiet li suppost isiru.

B’referenza għall-każ tal-indħil minn żewġ politiċi f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex, Sandro Camilleri qal li l-investigazzjoni għadha għaddejja, imma sostna l-importanza li l-Kummissarju jkun dixxiplinat. “Il-Pulizija għandha tkun dritta, ma jindaħlilha ħadd. Il-Kummissarju għandu jkun lest li jżomm lin-nies ta’ taħtu” qal Sandro Camilleri.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni bejn l-aħħar ħames Kummissarji tal-Pulizija u Kastilja, Sandro Camilleri wieġeb hekk: “Nassigura lil kulħadd però… jien ma kontx nara dan l-indħil dirett il-ħin kollu” qal Sandro Camilleri.

Il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar huwa l-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’din il-leġislatura. Ta’ qablu, Michael Cassar irriżenja ftit wara li ngħata rapport mingħand l-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.