Lokali Qorti

FILMAT: Toni Bezzina jirbaħ libell kontra L-Orizzont

Il-Qorti tal-Appell tagħti raġun lil Toni Bezzina - li artiklu mimli allegazzjonijiet mill-gazzetta L-Orizzont kien libelluż

Aġġornata

Id-Deputat Toni Bezzina rebaħ libell li kien fetaħ kontra l-gazzetta L-Orizzont dwar allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tiegħu lura fl-2012.

Fl-allegazzjonijiet kien intqal li Toni Bezzina qabbad ħaddiema tal-Gvern biex jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq. Għal dawn l-allegazzjonijiet, Toni Bezzina kien fetaħ proċeduri ta’ libell kontra L-Orizzont, liema libell intrebaħ mid-Deputat Toni Bezzina.

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-ewwel istanza, il-Partit Laburista kien għamel kampanja kontra d-Deputat Toni Bezzina li matulha kien saħansitra sejjaħ għar-riżenja ta’ Toni Bezzina minħabba dan il-każ. Madanakollu issa jirriżulta li l-Qorti tal-Appell laqgħet l-argumenti ta’ Toni Bezzina. Fost l-esponenti Laburisti li kienu qed isejħu għar-riżenja ta’ Toni Bezzina kien hemm id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, li riċentament kien involut fl-iskandlu tal-burdell.

Id-deċiżjoni ngħatat dalgħodu mill-Qorti tal-Appell. Dan ifisser li s-sentenza ma tistax tinbidel. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell tat raġun lil Toni Bezzina li l-artiklu ta’ L-Orizzont kien libelluż.

Il-Qorti qalet li r-rapport tal-gazzetta L-Orizzont kien malafamanti meta ntqal li ‘skont inkjesta (Toni Bezzina) talab ħaddiema tal-Gvern jiffirmaw affidavid li ma għamlux xogħol fuq il-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq meta filfatt kienu għamluh’.

“Il-Qorti tilqa’ l-appell u tħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati”

Il-Qorti qalet li din id-dikajrazzjoni hija waħda serja, li tfisser li Toni Bezzina talab lill-ħaddiema jigdbu taħt ġurament, bil-Qorti tikkonkludi li din id-dikjarazzjoni hija malafamanti peress li ma ġietx ippruvata bħala stqarrija bbażata fuq il-fatti.

“Dan il-fatt waħdu jattakka r-reputazzjoni (ta’ Toni Bezzina), li mill-provi jirriżulta li kien se jkun kandidat għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li saret fis-sena 2013” qalet il-Qorti waqt li kkonkludiet li kienet qed tilqa’ l-appell imressaq minn Toni Bezzina filwaqt li tħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tat-13 ta’ Ġunju 2016.

Għad-Deputat Toni Bezzina dehru l-Avukat Alex Perici Calascione u l-Avukat Veronica Perici Calascione.

Nistenna li min gideb dwari jerfa’ r-responsabbiltà – Toni Bezzina

Fi stqarrija, id-Deputat Toni Bezzina qal li qed jistenna’ li min gideb dwaru, jerfa’ r-responsabbiltà. “Dak kollu li qal il-Partit Laburista u l-media alleata tiegħu kienu biss gideb u attentati ddisprati biex itappnu l-integrità tiegħi. Għal darb’oħra, bużżieqa li pruvaw jonfħu Muscat u sħabu, nfaqgħet f’wiċċhom” qal id-Deputat Toni Bezzina fi stqarrija u f’kummenti ma’ NET News wara d-deċiżjoni tal-Qorti.

Toni Bezzina qal li l-Partit Laburista ilu mill-bidu jigdeb dwaru. “Din mhi biss xejn għajr kampanja kkordinata bil-għan li tpoġġi l-Partit Nazzjonalista fl-istess livell baxx u maħmuġ tal-Partit Laburista. Din hi strateġija falluta għaliex ġejja mill-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna” żied jgħid Toni Bezzina.

Toni Bezzina fakkar li l-Partit Laburista gideb dwaru, dwar il-Kap tal-Partit, dwar il-Viċi Kapijiet, u dwar uffiċjali u deputati oħra kollegi tiegħi. “Pero’ xejn mhu se jwaqqafna milli nkomplu nikxfu l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern u nispjegaw kif Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil se jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem” sostna Toni Bezzina.

“Issa nistenna li min gideb dwari, jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan il-gideb, u minimament, jitlob skuża” temm jgħid id-Deputat Toni Bezzina.