Lokali

FILMAT: Zammit Lewis jgħid li n-nies mhux qed jifhmu lill-Gvern

Id-deal tal-ITS attakkat mill-partiti politiċi ewlenin kollha reġistrati

Il-Ministru Edward Zammit Lewis insista li n-nies mhux qed jifhmu lill-Gvern dwar id-deal tal-ITS. Fid-deal tal-ITS, il-Gvern ta l-art tal-ITS f’San Ġiljan lill-privat għal 15-il miljun ewro minkejja li din l-art tiswa ferm aktar minn hekk.

Zammit Lewis kien qed jitkellem waqt il-programm Xarabank meta ddefenda d-deal tal-Gvern, minkejja l-kritika ħarxa mill-partiti politiċi kollha rreġistrati f’Malta, fosthom il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Demokratiku l-Alternattiva Demokratika – li waqt il-programm Xarabank, esprimew tħassib dwar dan id-deal. Programm, li matulu, il-Ministru Zammit Lewis inqabad li l-art tal-ITS ingħatat lill-privat bi prezz baxx.

Waqt il-programm ipparteċipat ix-Shadow Minister Marthese Portelli li saħqet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed juri bil-provi li hu politiku onest, għax ma jħalli xejn jagħlaqlu ħalqu tant li minkejja d-donazzjonijiet li rċieva l-Partit Nazzjonalista mingħand iċ-Chairman tad-db Group, xorta waħda talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga t-trasferiment tal-art tal-ITS għall-prezz baxx.

Id-Deputat Marthese Portelli rreferiet għall-mod kif il-Partit Laburista għadu l-uniku partit mhux reġistrat skont il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, tant li għadu l-anqas biss issottometta l-lista tad-donazzjonijiet li rċieva – għall-kuntlarju ta’ kif għamlu ‘l bqija tal-partiti politiċi, fosthom il-Partit Nazzjonalista. Imma l-Ministru Edward Zammit Lewis, matul il-programm, baqa’ jiġġustifika l-mod kif il-Partit Laburista għadu qed jikser il-liġi billi jgħid li l-istatut se jinbidel numru ta’ ġimgħat oħra.

Min-naħa tagħha, waqt id-dibattitu, id-Deputat Marlene Farrugia saħqet li l-Partit Laburista tradixxa l-valuri kollha li għalihom ġie elett u qalet li l-Gvern, minflok iwieżen il-ħaddiem, qed iwieżen lin-negozjant askapitu tal-ħaddiem. Hi rreferiet għal numru ta’ kisbiet li l-Partit Nazzjonalista għamel għal pajjiżna, fosthom id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Waqt il-programm tkellem ukoll Mario Mallia mill-Alternattiva Demokratika li kkritika d-deal tal-ITS peress li l-poplu se jkollu jħallas miljuni kbar minn butu, fosthom minħabba t-trasferiment tal-ITS lejn Smart City.