Anthony Pandolfino, li diġà kien kundannat fuq pedofelija u stuprar ta’ tfal, reġà kien kundannat ħames snin ħabs u immultat €3000 wara li ammetta akkużi ta’ pussess, produzzjoni u ċirkolazzjoni ta’ ritratti idiċenti ta’ tfal. Hu tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament.
Fil-qorti l-pulizija esebiet hard disks, cameras u apparat ieħor elettroniku li kienet elevat mingħand l-akkużat, li għandu 73 sena. Il-pulizija għadhom qed janaliżżaw il-materjal diġitali li kkonfiskaw biex jistabilixxu jekk hemm xi tfal Maltin fost it-tfal li jidhru. L-Ispettur Joseph Busuttil qal lill-Maġistrat Monica Vella li l-akkużat kien diġà kundannat 10 snin ħabs fuq akkużi simili. Pandolfino kien instab ħati flimkien ma’ ħuh li stupra żewġt itfal ta’ 10 u 11-il sena fl-2006.
Jirriżulta li Pandolfino jien jaqsam ir-ritratti flimkien ma’ persuni oħra u minbarra li kien iġemma r-ritratti, hu kien iqassamhom ma’ persuni oħra madwar id-dinja li kellhom l-istess tendenzi.
Pandolfino kien anki jiffotografa tfal ibiddlu fuq il-bajjiet jew f’attivitajiet pubbliċi u wara jqassamhom fuq l-internet.
L-Avukat Christopher Chircop ippreżenta ammissjoni f’isem l-akkużat bil-Maġistrat Vella tgħid lir-raġel li kienet se tibgħatu l-ħabs jekk jammetti. Pandolfino ammetta li kien hu għamel download u qal li hu jaf li se jinbgħat il-ħabs. Hu avża lill-qorti li kien se jibda t-trattament mediku l-ġimgħa li ġejja.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-akkużat biex jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli sakemm jirkupra minn operazzjoni. Isem Pandolfino se jkun imniżżel ukoll fir-reġistru tal-persuni li jwettqu abbużi sesswali.
Filwaqt li ma talbitx il-libertà proviżorja tal-ħati, id-Difiża qalet li kienet se tappella mis-sentenza.
//= $special ?>