Lokali

Il-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra għandu jwassal għal riflessjoni dwar il-wirt nazzjonali – Il-Knisja

Id-Dwejra mingħajr tieqa

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Kurja qalet li r-reazzjonijiet tal-politiċi u tal-pubbliku għall-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra għandhom iġegħluna nirriflettu fuq l-attitudnijiet tagħna lejn il-patrimonju naturali, storiku, u arkitettoniku ta’ Malta u Għawdex.

Fi stqarrija l-Kummissjoni qalet li l-fatt li t-Tieqa ċediet hi parti minn proċess naturali li kien mistenni. Il-mistoqsija minn dejjem kienet ‘meta’ u mhux ‘jekk’ kinitx se taqa’. Il-poplu u l-politiċi jħossu li l-pajjiż tilef parti mill-patrimonju nazzjonali. U bir-raġun!

Dan l-avveniment iżda għandu jħeġġiġna, kemm ċittadini u kemm politiċi, biex nistaqsu mistoqsijiet pertinenti dwar x’qegħdin nagħmlu biex nimmaniġġaw b’mod sostenibbli r-riżorsi li għad fadlilna. Uħud mir-riżorsi, kemm dawk naturali kif ukoll dawk mibnija li ngawdu fil-gżejjer tagħna, huma wkoll patrimonju dinji.

Il-Kummissjoni ssoniet li l-gwaj li ilna għaddejjin minnu hu li, għal ħafna snin, ma konniex ninħasdu quddiem ħsarat żgħar u anke mhux żgħar, lill-ambjent naturali u mibni li jsir minħabba xi proġett, policy, jew pjan, li mhumiex sostenibbli, jew deċiżjonijiet li jmorru kontra pjani jew policy li jkunu tfasslu bis-sens.

Dan il-gwaj ittollerajnieh u anke kien ġustifikat politikament minn diversi gvernijiet minkejja li għaqdiet u individwi li għandhom għal qalbhom il-patrimonju nazzjonali tkellmu b’kuraġġ kontrieh. Li kieku kellna naraw f’daqqa dak li tlifna matul is-snin minħabba aġir mhux sostenibbli, l-agħa u d-dieqa tagħna jkunu ħafna aktar minn dak li kien espress għall-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra.

Issa li waqgħet, it-Tieqa tad-Dwejra qed tfakkarna li r-riżorsi naturali, minbarra li għandhom valur intrinsiku li jfakkarna fis-sbuħija tal-ħolqien u l-Ħallieq, għandhom ukoll valur ekonomiku, speċjalment fis-settur turistiku, u għalhekk huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija lokali u nazzjonali. It-Tieqa ntilfet darba għal dejjem.

J’Alla tiftaħ bieb liċ-ċittadini u l-politiċi biex nirriflettu u nieħdu azzjoni ħalli nimmaniġġaw b’mod iktar għaqli milli għamilna s’issa, ir-riżorsi naturali, storiċi u mibnija tal-patrimonju nazzjonali, qabel ikun tard wisq, sostniet il-Kummissjoni Ambjent tal-Kurja.