Internazzjonali

Il-President tal-Korea t’Isfel titkeċċa mill-poter

Il-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, saret l-ewwel Mexxejja eletta bil-mezzi demokratiċi li qatt spiċċat sfurzata ’il barra mill-poter fil-Korea t’Isfel.
Il-maġistrati, b’verdett unanimu, appoġġjaw id-deċiżjoni tal-Parlament għall-impeachment ta’ Park minħabba r-rwol tagħha fi skandlu tal-korruzzjoni li kien jinvolvi ħabiba kbira tagħha bl-isem ta’ Choi Soon-sil. Park, issa, tilfet l-immunità li kienet tgawdi bħala President u kapaċi tiffaċċja wkoll akkużi kriminali.
Sadattant, l-aħħar rapporti minn Seoul irriferew għal xeni karatterizzati minn rabja popolari barra l-qorti. Fil-fatt, il-pulizija qalu li mietu, almenu, żewġ dimostranti fl-inħawi.
Id-deċiżjoni tal-qorti li kkonfermat it-tkeċċija ta’ Park hi l-qofol ta’ xhur sħaħ ta’ taqlib politiku u protesti pubbliċi. Skont is-sitwazzjoni preżenti, il-Korea t’Isfel qed tħejji tgħaddi minn elezzjoni sa 60 jum oħra.