Żdiedet il-preokkupazzjoni dwar mijiet ta’ bastimenti li qegħdin jaċċertaw li l-frekwenzi tagħhom ma jinqabdux mis-sistemi għall-moniteraġġ u li qed jispiċċaw ibaħħru qrib zoni assoċjati mat-terrur – inklużi l-Libja u s-Sirja – qabel jidħlu fl-ibħra tal-Ewropa.
Il-vapuri, magħrufa bħala ‘ghost ships’, huma suġġetti għal suspetti qawwijin, b’numru minnhom jispiċċaw anki f’zoni ta’ baħar ftit ‘il hinn mill-kosta tar-Renju Unit.
L-indikazzjonijiet huma li numru sostanzjali tal-vapuri li qed jidħlu fiz-zoni Ewropej qegħdin jitfu s-sistemi tal-GPS (għal tracking) biex ‘jisparixxu’ mill-iscreens tal-osservaturi. Dawn il-vapuri ta spiss jieħdu l-istatus ta’ ‘ghost ships’ wara li jkunu għamlu l-waqfiet dubbjużi qrib ta’ nħawi magħrufin għall-attività tal-gruppi terroristiċi.
Iċ-ċirkustanzi qed jixprunaw l-inkwiet li l-hekk-imsejħa ghost ships qegħdin jaħdmu minn taħt biex jgħaddu persuni u armi lejn l-Ewropa.
Fil-fatt, fl-ewwel xahrejn tas-sena, ma baqgħux segwiti l-movimenti ta’ 2,850 bastiment qabel dawn daħlu fl-ibħra Ewropej. Id-data minn Windward ( kumpannija għall-analiżi marittima bbażata f’Iżrael) tindika li dawn il-mijiet ta’ vapuri waqfu milli jitrasmettu l-lokalitajiet rispettivi (bil-GPS) qabel infiltraw l-Ewropa.
Għexieren minn dawn il-bastimenti għamlu dan ‘fuq perjodu ta’ 24 siegħa’ ‘il hinn mill-kosta tar-Renju Unit, filwaqt li vapuri oħrajn daħlu fl-ibħra Britanniċi mingħajr id-dokumentazzjoni xierqa. Il-prattika qed tqajjem biża’ li n-nuqqas ta’ riżorsi ddedikati lis-sigurtà marittima min-naħa tar-Renju Unit qed iħalli lill-pajjiż vulnerabbli għat-terrur.
Intant, it-tħassib dwar it-traffikar tan-nies u l-armamenti lejn il-kontinent hu partikularment akut fir-rigward ir-rotta tal-baħar bejn il-Libja u l-Greċja.
Dan waqt li l-Windward żvelat li, f’Jannar u Frar, mal-40 bastiment kienu daħlu fl-Ewropa mil-Libja, u minn ‘qrib il-bażijiet tal-ISIS’, wara li kienu tfew it-tagħmir għat-tracking.
//= $special ?>