Stephen James Falzon ta’ 42 sena li joqgħod Ħal Balzan illum tressaq il-Qorti u kien akkużat li wettaq żewġ hold-ups u li beżża’ lill-vittmi tiegħu bi vjolenza. Għalkemm l-akkużat qal li mhux ħati tal-akkużu miġjuba kontrih, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest imma talbet li l-prosekuzzjobni tressaq ix-xhieda tagħha bla dewmien żejjed.
Hu kien akkużat b’serq aggravat u li żamm lill-vittmi tiegħu kontra r-rieda tagħhom u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar waqt li wettaq il-hold-ups.
Allegatament Falzon kien wettaq żewġ serqiet minn spiżeriji fl-Iklin u fin-Naxxar. L-ewwel każ seħħ fil-21 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tas-19:00 u allegatament hu daħal fi spiżerija fi Triq Giovanni Curmi fl-Iklin, armat b’arma u talab lill-ispiżjar jgħaddilu l-flus.
It-tieni hold-up seħħ il-Ħamis li għadda għall-ħabta tan-12:30 meta allegatament Stephen James Falzon daħal fi spiżerija fi Triq il-21 ta’ Settembru fin-Naxxar u talab il-flus filwaqt li hedded lill-kaxxier. F’dak il-ħin fl-ispiżerija kien hemm nisa u kaxxier.
L-Ispetturi Carlos Cordina, James Grech u Elton Taliana mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Chris Chircop deher għall-akkużat.
//= $special ?>