Sport

Julian Pace Bonello mhux kontestat għall-President tal-Kumitat Olimpiku Malti

Julian Pace Bonello

L-ispekulazzjoni jekk Julian Pace Bonello kienx ser ikun ikkontestat bħala President tal-Kumitat Olimpiku Malti intemmet wara li għalqu n-nominazzjonijiet għal din il-kariga b’rabta mal-Laqgħa Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti li għandha ssir fid-19 ta’ April.

Matul il-Laqgħa Ġenerali jrid ikun elett il-Kumitat Eżekuttiv ġdid fejn il-President, Viċi President, Segretarju Ġenerali, Direttur tal-Finanzi u Direttur tal-isport ikunu eletti għal erba’ snin sal-2021 filwaqt li tmien diretturi ohra jkunu eletti sas-sena 2019 għal perjodu ta’ sentejn.

In-nominazzjonijiet li fetħu uffiċjalment fis-16 ta’ Frar jgħalqu fit-22 ta’ Marzu ħlief għan-nominazzjoni għal President li għadha kemm għalqet.

Julian Pace Bonello kien ġie elett għall-ewwel darba bħala President tal-Kumitat Olimpiku Malti fl-2013 wara li bosta snin kien bħala viċi President. Huwa ħa l-Presidenza wara Lino Farrugia Sacco.

Mhiex eskluża l-possibilita’ li jkun hemm uċuh ġodda fil-Kumitat Olimpiku Malti kemm dawk eletti sal-2021 kif wkoll fost it-tmien membri eletti għas-sentejn li ġejjin.

L-ewwel impenn tal-Kumitat Olimpiku Malti u dawk eletti ser ikun is-17 l-Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa li għandhom isiru San Marino bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.