Il-Qorti tal-Appell tat raġun lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi meta sabet editorjal tal-gazzetta L-Orizzont libelluż u malafamanti.
Is-sentenza tal-Qorti, mogħtija dalgħodu, kienet dwar editorjal miktub mill-editur tal-gazzetta L-Orizzont Josef Caruana, intitolat ‘Giddieb bil-Provi’, miktub fil-15 ta’ Novembru 2010.
Fl-editorjal tiegħu, Caruana kien irrefera għall-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi bħala ‘Giddieb bil-Provi’ dwar kwistjoni li għandha x’taqsam mal-għoti ta’ kuntratt mill-Enemalta lill-BWSC.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li hu fatt li bħala Prim Ministru u politiku, Lawrence Gonzi kellu juri ħafna iktar tolleranza għal kritika minn ħaddieħor. Madanakollu, fiċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li d-dikjarazzjoni li saret mill-editorjal tal-Orizzont kienet ‘kumment ġust’ skont dak li tippermetti l-liġi.
Il-Qorti tal-Appell żiedet tgħid li l-editur tal-Orizzont ma kienx qed jiġixxi b’bona fede u dan peress li “skarta l-verità li setgħet faċilment tiġi verifikata”.
Bis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell ħassret is-sentenza tat-18 ta’ Jannar tal-Qorti tal-Maġistrati u laqgħet it-talba tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li l-editorjal ‘Giddieb bi Provi’ tal-gazzetta L-Orizzont huwa malafamanti.
Fl-istadju tal-appell, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien rappreżentat mill-Avukat Joseph Zammit Maempel.
//= $special ?>