Lokali

Mill-Ħadd il-passiġġieri se jibdew jinżlu fiż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin

Żona ġdida fejn jinżlu l-passiġġieri minn fuq tal-linja l-Belt Valletta

Mal-wasla tagħhom il-Belt, il-passiġġieri ser jibdew jinżlu mill-karozza tal-linja fiż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin fil-Floriana. Dan se jidħol fis-seħħ jumejn oħra. Il-passiġġieri mhux ser jibqgħu jieqfu fejn hemm il-kjosks quddiem bieb il-Belt. Iż-żona magħrufa għal għexieren ta’ snin bħala l-venda tal-Belt, ser tinbidel f’żona pedonali u ser tilqa’ l-aħħar karozza tal-linja s-Sibt filgħaxija.

Il-proġett ta’ quddiem id-daħla tal-Belt ser jidħol f’fażi oħra fil-ġranet li ġejjin. Ix-xogħlijiet f’King Edward Avenue kważi lesti u x-xogħol ser jitkompla fl-inħawi tal-Funtana tat-Tritoni fil-Floriana. Dan qalitu Transport Malta fi stqarrija.

Waqt ix-xogħlijiet u bħala miżura ta’ sigurta’, in-naħa tal-funtana se tingħalaq għal-pubbliku. Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, ser tagħmel passaġġ biex in-nies jimxu b’mod sikur lejn il-Belt u l-Floriana waqt li għaddej ix-xogħol. Dan il-passaġġ ser jibda jintuża mill-Ħadd.