Lokali

Mit-Tnejn jidħlu fis-seħħ devjazzjonijiet għat-traffiku f’Raħal Ġdid

Id-devjazzjonijiet mistennija jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju

Mit-Tnejn se jidħlu fis-seħħ numru ta’ devjazzjonijiet tat-traffiku f’Raħal Ġdid hekk kif se jibda x-xogħol marbut mal-proġett tal-pjazza.

Fi stqarrija Transport Malta qalet li t-traffiku fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid se jgħaddi minn korsija waħda fiż-żewġ direzzjonijiet minflok minn tnejn bħas-soltu, jigifieri mit-triq tan-naħa tal-Knisja. Minn Triq Ħal Luqa u Triq Ħal Tarxien se jgħaddi lejn Triq Valletta biss; mhux se jkun hemm aċċess għal Triq Bormla u Triq Ħaż-Żabbar. Triq Bormla direzzjoni lejn il-pjazza mhux se tkun aċċessibbli. Minn Triq Ħaż-Żabbar il-vetturi se jkunu jistgħu jitilgħu għad-direzzjoni ta’ Santa Luċija jew jgħaddu dritt għal Triq Valletta. It-traffiku minn Triq Valletta, direzzjoni min-naħa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin lejn il-pjazza, se jgħaddi kif inhu bħalissa.

Dawn id-devjazzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2017 jew sa meta jinħareġ avviż ieħor.