Wara li fl-aħħar ġimgħat is-sit tas-Salini għadda f’idejn Birdlife Malta, nhar il-Ħadd Birdlife se torganizza open day.
Ir-Riserva Naturali tas-Salina għal snin twal intużat għall-produzzjoni tal-melħ.
L-għadajjar tal-melħ fis-Salini nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu 16 u s-sit ġie riabilitat bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-kumpless jinkludi wkoll tliet huts li reġgħu nbnew fuq is-disinji oriġinali ta’ żmien l-Ingliżi b’waħda minnhom isservi bħala ċ-ċentru tal-viżitaturi.
Ir-riserva tas-Salini saret l-akbar riserva f’idejn BirdLife Malta fejn apparti l-istorja marbuta mal-produzzjoni tal-melħ, il-pubbliku jista’ jgawdi wkoll numru ta’ għasafar ġodda li jiġu attirati lejn dan il-post u forsi anke jibdew ibejtu f’dan is-sit.
Is-sit diġà wera l-potenzjal tiegħu b’numru ta’ għasafar li sena wara sena jinżlu jistrieħu fih mill-vjaġġ tagħhom tal-passa.
Matul il-ġurnata nhar il-Ħadd se jkun hemm diversi attivitajiet għall-familja kollha, fosthom ikel, divertiment, kant, żfin, mużika, logħob għat-tfal, birdwatching u opportunità biex tgawdi n-natura u l-istorja.
//= $special ?>