Internazzjonali

Is-summit tal-UE: Il-Polonja tilmenta għal ‘rikatt dwar is-sussidji’

Donald Tusk

Il-President tal-Polonja, Beata Szydlo, akkużat lill-President Franċiż, Francois Hollande, dwar ‘attentat ta’ rikatt’ fil-konfront ta’ pajjiżha. Dan waqt tilwima taħraq, fi Brussell, dwar l-elezzjoni mill-ġdid tal-Pollakk, Donald Tusk, bħala President tal-Kunsill Ewropew, li hu rwol strateġiku mal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar tas-summit tal-UE li kkonkluda ftit tal-ħin ilu, Szydlo qalet li ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn Hollande jhedded li jwaqqaf il-fondi (sussidji) lill-Polonja ‘għaliex il-pajjiż, skont hu, mhux qed jaġixxi bil-mod xieraq’. Il-Polonja, intant, falliet fit-tentattiv biex tostakola l-elezzjoni ta’ Tusk fil-kariga, b’dan il-pajjiż jirrifjuta li jaċċetta jew jappoġġja l-istqarrija komuni mis-summit.

Il-Prim Ministru tal-Polonja wissiet ukoll lill-Istati sieħba tal-Ewropa li Varsavja ma taċċettax l-ispinta ġdida ta’ integrazzjoni Ewropea magħrufa bħala ‘multi-speed Europe’. Szydlo qed tgħid li l-UE  tiffaċċja diżgwid ġdid f’każ li pajjiżi-membri aktar b’saħħithom jippruvaw jintegraw aktar ma’ xulxin għall-ispejjeż ta’ Stati-membri anqas b’saħħithom bħall-Polonja u l-Istati tal-eks-Blokk Sovjetiku, fil-Lvant tal-Ewropa.

It-taħditiet fi Brussel ikkonċentraw fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea ladarba r-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti minn dan il-grupp ta’ pajjiżi wara li jikkonkludi l-proċess tal-Brexit.

Il-pajjiżi tal-UE iddiskutew, intant, li ssir dikjarazzjoni konġunta li ssostni l-għaqda fost il-pajjiżi tal-Unjoni ladarba l-Mexxejja jiltaqgħu f’Ruma, fil-25 ta’ Marzu, biex jiċċelebraw is-60 sena mit-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Ruma.