Lokali

Tnediet il-wirja ‘Ilma’ bi 48 biċċa tal-arti magħmula minn studenti tal-kulleġġ San Injazju

L-istudenti tal-Kulleġġ San Injazju jwasslu messaġġ biex ma naħlux l-ilma

Kull minuta, kull ġurnata, hawn nies li qed ibatu għaliex għandhom nuqqas ta’ aċċess għall-ilma li hu tajjeb għall-konsum, jiġifieri ilma li mhux ikkontaminat. Għalhekk irridu nifmhu li l-ilma hu riżors li rridu nibżgħu għalih.

Dan kien il-messaġġ li wasslu studenti mill-Kulleġġ San Injazju waqt attivita’ fil-Palazz ta’ San Anton li għaliha kien hemm preżenti l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

L-attivita’ hi parti mill-kampanja tal-bank HSBC Malta, Catch The Drop, li għat-tielet sena konsekuttiva qed jagħtu s-sapport tagħhom lill-inizjattiva tal-kulleġġ San Injazju li bis-sehem tal-istudenti se jtellgħu wirja bi 48 biċċa tal-arti li għamlu l-istudenti stess bit-tema ‘Ilma’. Din il-wirja se titella’ fil-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta.

Mill-wirja tas-sena l-oħra, l-istudenti irnexxielhom jiġbru s-somma ta’ €580 li ppreżentawha waqt l-attivita’ lill-President ta’ Malta b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din is-sena l-biċċiet tal-arti se jiġu rkantati bil-flus miġbura jerġgħu imorru għall-istess għan. Minn naħa tiegħu l-bank HSBC Malta wkoll ippreżenta donazzjoni lill-President b’risq il-MCCF.

Minn naħa tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-istudenti ta’ dan il-kulleġġ huma ta’ eżempju għal pajjiżna biex wasslu messaġġ dwar l-ilma bħala riżors li rridu nassiguraw li jasal għand kulħadd bl-aktar mod san.

Il-Jum Dinji ddedikat għall-ilma jiġi ċċelebrat fit-22 ta’ dan ix-xahar.