Lokali

Wara pressjoni minn kulħadd, se tinbidel il-liġi tal-media; Muscat idoqq l-irtirata – PN

Wara pressjoni kbira li saret minn diversi oqsma fil-qasma tal-media wara li l-Gvern kien habbar abbozz ta’ ligi dwar il-media u d-defamazzjoni, il-Gvern se jneħħi l-obbligu ta’ registazzjoni għas-servizzi ta’ ahbarijiet online.

Dan thabbar mill-Ministru tal-Gustizzja Owen Bonnici waqt sessjoni ta’ Mistoqsija u Tweġiba organizzata mill-Istitut tasl-Ġurnalisti Maltin dwar il-proposti li qiegħed iressaq il-Gvern għall-liġi tal-libell u l-midja. Din saret f’The Fortress Builders, fil-Belt, Valletta.

Attenda wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Avukat Ġenerali Peter Grech kif ukoll diversi nies li jaħdmu fil-qasam tal-midja u tal-ġurnaliżmu.

Matul din is-sessjoni thabbar ukoll li l-media tradizzjoni bhal gazzetti, radju u televizjoni r-reġistrazzjoni se tkun waħda volontarja.

Owen Bonnici qal li bidla oħra fil-ligi proposta hi li l-protezzjoni tas-sors se tkun estiza u r-registratur se jkun ‘l bogħod mill-Gvern. Il-Qorti se jkollha l-poter tikkunsidra l-impatt finanzjarju fuq il-ġurnalist jew il-media house meta tigi biex tapplika d-danni fuq libell.

Dwar ir-rwol tal-Ministru intqal li dan irid jikkonsulta u qabel avviz legali jidħol fis-sehh irid jgħaddi mill-Parlament.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li meta l-ligi tkun fi stadju ta’ Kumitat, il-ġurnalisti se jkunu mistiedna jattendu fil-Parlament biex jintervjenu dwar il-liġi.

Wara saru diversi interventi minn dawk preżenti li ħafna minnhom urew is-sodisfazzjon li l-Gvern rega’ lura mill-proposta li kienet se xxekkel il-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna.

saret diskussjoni dwar diversi mistoqsijiet li tqajjmu dan l-aħħar dwar il-liġi li qed jipproponi l-Gvern fosthom dwar ir-reġistrazzjoni tal-websites u Facebook Accounts li jitrattaw aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti.

Muscat idoqq l-irtirata – reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-aħbar il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat daqq l-irtirata.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li wara li l-preżenta abbozz ta’ liġi li jeżisti biss f’pajjiżi bħar-Russja, ċ-Ċina u l-Bangladesh, issa, Muscat daqq l-irtirata u bela’ kollox lura.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-liġi li ppreżenta l-Gvern ma kenitx tagħmel sens mill-bidu nett. Kienet tillimità l-libertà tal-espressjoni billi tobbliga lil kull min għandu website li tiddiskuti l-politika biex tirreġistraha. Dan it-tip ta’ obbligu ssibu biss f’pajjiżi dittatorjali li jridu jagħlqu ħalq in-nies qabel ma n-nies jiftħu ħalqhom.

Kontra din il-liġi tkellem kull min għandu għal qalbu l-libertà tal-espressjoni, fosthom il-Partit Nazzjonalista, d-Dekan tal-Fakultà tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien Ġorġ Mallia, d-Dekan tal-Fakultà tal-Ligi Kevin Aquilina, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tal-IT, l-għaqdiet tal-istudenti u bosta individwi u entitajiet ohra.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-u-turn ta’ llum turi kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat tilef kull sens ta’ direzzjoni u huwa għal kollox inkompetenti.