Futbol Sport

ESKLUSSIVA: Maltin arrestati fir-Russja wara li marru jaraw it-tim favorit tagħhom

Wieħed mill-Maltin fir-Russja
"Ġejna arrestati fl-ajruport u ħadulna l-passaporti"

Tliet Maltin li kienu fost il-258 sostenitur ta’ Manchester United illi din il-ġimgħa segwew il-partita kontra Rostov fir-Russja, spiċċaw arrestati fl-ajruport minħabba l-visa li kellhom.

NETnews.com.mt kiseb din l-istorja esklussiva u r-rakkont tal-Maltin wara li kienu preżenti għal-logħba ta’ nhar il-Ħamis li għadda valida mill-Europa League.

“Żammewna arrestati fl-ajruport, ħadulna l-passaporti u ġejna immultati €40 biex inħarġu visas ġodda. Spiċċajna ukoll kellna inħallsu għal titjiriet ġodda”, qalilna Tony Degiorgio fil-kummenti tiegħu. Tony, li illum il-ġurnata jgħix fir-Renju Unit, kien fir-Russja flimkien ma’ ħuh u mal-kuġin tiegħu.

“Ħallewna weħidna għal sagħtejn sħaħ, maqfulin f’kamra mingħajr ebda spjegazzjoni għaliex ħadulna l-passaporti”.

Tony Degiorgio spjega li f’dan il-ħin kienu imħassba ħafna dwar x’se jiġri. “Imbgħad wara sagħtejn ġew lura l-Pulizija b’ħafna karti biex niffirmawhom”.

Tony, flimkien ma ħuh u l-kuġin tiegħu

Għall-partita kontra Rostov kien hemm biss 80 partitarju mir-Renju Unit, fosthom it-tliet Maltin. Il-bqija tal-partitarji tar-Red Devils kienu Russi, jew sostenituri oħrajn li ġew minn pajjiżi oħra Ewropej.