Transport Malta għal ħames xhur sħaħ ilha tinjora l-karbiet tar-residenti tas-Swieqi, kemm Maltin u barranin, kif ukoll tat-turisti, biex jiġi nstallat mill-ġdid bus shelter fis-Swieqi.
Kien minħabba x-xogħol li sar fil-parti tat-triq ta’ Sant Andrija ma’ Triq il-Qasam, li l-bus shelter li kien hemm qabel inqala’ u qatt ma’ reġa’ ġie nstallat.
Dan wassal biex residenti, turisti u tfal qed ikollhom jistennew it-trasport pubbliku, esposti għal kull element tat-temp. Kien għalhekk li f’Ottubru li għadda l-Kunsill Lokali tas-Swieqi lmenta ma’ Transport Malta.
“Issa li ġejjin ix-xhur tax-xitwa, jkun jaqbel jekk dan il-bus shelter jiġi nstallat immedjatament sabiex flimkien inkompli naħdmu biex inħajru iżjed nies jagħmlu użu mit-trasport pubbliku billi nipprovu kenn adekwat sakemm dawn ikunu qed jistennew,” jaqra l-email li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi bagħat lil Transport Malta fil-5 t’Otturu li għadda.
Fil-korrispondenza, is-Segretarju Eżekuttiv appella li din il-kwistjoni tkun trattata b’mod urġenti, u jinżamm infurmat bl-iżviluppi.
Wara din il-korrispondenza, il-Kunsill Lokali kellu jibgħat tliet reminders, sakemm fl-aħħar irċieva r-risposta li għad irid isir xi xogħol fosthom jitranġa arblu tal-bus stop, jitwaħħlu xi arbli u jitranġaw it-taraġ u rampa wara l-bus shelter ladarba jitneħħa arblu tad-dawl tal-Enemalta.
Minn dakinhar il-bus shelter baqa’ ma sarx, il-Kunsill Lokali baqa’ jitlob lil Transport Malta għall-azzjoni u sa llum wasal sas-7 reminder … iżda l-bus shelter għadu ma jeżistix u l-Kunsill Lokali baqa’ fl-għama.
Sakemm Transport Malta tibqa’ ma tiħux azzjoni, wara l-maltempati tax-xitwa u r-riħ tal-aħħar jiem jidher li dawk li jużaw tal-linja, iktar u iktar din il-bus stop se jkollhom joqgħodu bla kenn anke fiż-żmien ta’ sħana qawwija matul is-sajf li ġej.
//= $special ?>