Internazzjonali

Iħeġġu għall-arrest tal-President tal-Korea t’Isfel

Żdiedu s-sejħiet għall-arrest tal-Mexxejja tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, wara li hi tkeċċiet mill-Presidenza fuq il-konferma tal-maġistrati li appoġġjaw id-deċiżjoni tal-Parlament biex Park tkun suġġetta għal impeachment.

Park Geun-hye issa qed tissogra l-arrest għar-rwol tagħha fi skandlu ta’ korruzzjoni u nepotiżmu li jinvolvi ħabiba kbira tagħha, iżda hi, minkejja l-verdett kontra tagħha, għadha residenti fil-kumpless Presidenzjali ta’ Seoul. L-aħħar rapporti qalu li Park qed tibqa siekta waqt li l-għadab kontra tagħha qed jikber fost il-poplu.

Illum, f’Seoul, eluf ta’ Koreani attendew rallies li kienu organizzati wara li mietu tliet persuni waqt protesti preċedenti li saru fil-kapitali. Ħafna fost il-folol sejħu kontinwament għall-arrest ta’ Park iżda fl-inħawi inġabru wkoll ġgajtiet ta’ sostenituri tal-President fost l-inkwiet ta’ vjolenza potenzjali bejn il-gruppi.

L-aħħar żviluppi drammatiċi fil-Korea t’Isfel ifissru li Park issa tilfet l-immunità Presidenzjali u għaldaqstant hi tista’ tiffaċċa akkużi kriminali dwar il-korruzzjoni u abbuż ta’ poter. Sadanittant, il-kummissjoni elettorali fil-Korea t’Isfel ħabbret li għandha ssir votazzjoni nazzjonali ħielsa u xierqa sa l-ewwel jiem ta’ Mejju.